BarraninLokali

Id-dollaru Awstraljan jilħaq l-ogħla rata għal bosta snin

Muniti Kontra l-Ewro

L-isterlina llum żdiedet b’nofs fil-mija kontra d-dollaru, u mxiet ma’ movimenti akbar mill-muniti ewlenin wara li ntwera tħassib dwar is-saħħa tal-ekonomija tal-Istati Uniti minħabba ċ-ċifra għolja tal-inflazzjoni ta’ Jannar.

Wara 11-il ġurnata ta’ żidiet, id-dollaru tilef kontra l-ewro, il-yen u basket ta’ muniti li jkejlu s-saħħa usa ttiegħu wara li laħaq l-ogħla rata f’xahar jum qabel. Analisti taw importanza lejn taħlita ta’ tnaqqis mhux mistenni fil-produzzjoni industrijali Amerikana u fis-sentiment dwar il-bini ta’ djar. Kien hemm ukoll tnaqqis fid-dħul mill-bonds tal-Gvern Amerikan li seta’ wkoll kien il-kaġun tat-tnaqqis fil-valur tad-dollaru.

Id-dollaru Awstraljan laħaq l-ogħla rati għal bosta snin kontra il-yen, il-Frank Żvizzeru u l-ewro llum hekk kif l-investituri tefgħu flushom f’assi li jirrendu aktar.

Id-dollaru Kanadiż irpilja bosta mit-telf kontra d-dollaru Amerikan, sostnut mill-istatistika domestika tajba u ottimiżmu dwar il-prospetti għall-kummerċ mal-Istati Uniti.

Indiċi

Id-Dow Jones fetaħ b’żieda ta’ 0.06%.

Fl-Ewropa, il-FTSE100, l-iSTOXX50 u d-DAX tbaxxew  b’madwar 0.28%. Il-CAC 40 naqas b’0.41%.

Fl-Asja, it-Topix naqas ukoll b’0.17% u kien hemm żieda ta’ 0.19% fl-Indiċi tal-Borża ta’ Malta.

Ishma Lokali

Fis-suq tal-ishma lokali, il-FIMBank kellu l-aktar żieda sinifikanti ta’ 5.29%. Tigne Mall żdiedu b’0.8% segwiti mill-Mapfre Middlesea b’0.45%.

Kemm il-Malta International Airport kif ukoll il-Bank of Valletta kienu negozjati iżda bla bidla fil-prezz waqt li l-HSBC Bank Malta u l-RS2 Software tilfu 0.88% u 0.06% rispettivament.

Bonds Lokali

Illum kienet ġurnata negattiva għall-bonds lokali. Il-Halmann Vella Group 2024 u l-Mediterranean Investments Holding 2021 żdiedu b’1.55% u 1.21% rispettivament.

Il-PTL Holdings 2024 tilfu 2.3%, l-Island Hotels Group Holdings 2024 u l-Mediterranen Bank 2019 tilfu madwar 1.8%. L-AX Investments 2024 kellhom tnaqqis ta’ 1.37% waqt li l-Premier Capital 2026 tilfu 0.98%.

Indikaturi Ekonomiċi

L-għadd ta’ persuni Amerikani li talbu benefiċċju tal-qgħad żdied anqas milli kien mistenni l-ġimgħa li għaddiet, sinjal li s-suq tax-xogħol qed jilħaq il-massimu. It-talbiet żdiedu b’5,000 għal 239,000. In-nies qegħda ilhom taħt il-limitu ta’ 300,000, sinjal ta’ suq tax-xogħol b’saħħtu, għal mija u ġimagħtejn konsekuttivi.

Prodotti Essenzjali

Id-deheb żdied bil-waqgħa tad-dollaru u l-investituri ħadu l-opportunità li jixtru d-deheb bħala garanzija kontra l-inċertezza ekonomika fl-Istati Uniti u fl-Ewropa.

Il-prezzijiet taż-żejt żdiedu wara li sorsi qrib l-OPEC qalu li l-grupp jista’ jestendi l-ftehim dwar tnaqqis fil-produzzjoni ma’ dawk mhux membri u jista’ japplika aktar qtugħ jekk l-ħażniet globali taż-żejt mhux maħdum ma jonqsux sa livell miftiehem

Share this Story[social_share/]