BarraninLokali

Inventarji għolja ta’ fuel u titjib fl-effiċjenza industrijali jwaqqgħu l-prezz taż-żejt

Muniti

Id-dollaru llum ftit li xejn iċċaqlaq kontra l-muniti ewlenin, hekk kif investituri fil-muniti baqgħu kawti qabel il-ħruġ tal-istatistika dwar l-inflazzjoni aktar tard fis-sessjoni, li hija mistennija li tiffissa d-direzzjoni f’terminu qasir li se tieħu l-munita.

Il-munita unika, l-ewro, nhar l-Erbgħa kellha l-ogħla rata f’14-il xahar ta’ $1.1489, wara sentiment li l-Bank Ċentrali Ewropew se jibda jirtira l-politika monetarja laxka aktar kmieni milli maħsub.

Uffiċjal ta’ Mizuho Securities qal li l-ewro żdied wisq matul l-aħħar jiem bil-parteċipanti jbigħu l-munita minħabba ż-żieda ta’ dan l-aħħar. Huwa qal ukoll li l-ewro aktarx ikollu jiżdied minħabba spekulazzjoni li l-Bank Ċentrali Ewropew se jibda jinnormalizza l-politika monetarja tiegħu.

L-isterlina lbieraħ żdiedet għat-tieni jum infila kontra d-dollaru hekk kif l-investituri daħlu fil-munita wara li l-President tal-Federal Reserve, Janet Yellen, dgħajfet lid-dollaru kontra basket ta’ muniti. L-isterlina kienet mgħejjuna wkoll wara li l-membru tal-Bord tal-Bank of England, Ian McCafferty qal lil The Times li l-bank ċentrali għandu jikkonsidra jnaqqas il-programm ta’ llaxkar ta’ 435 miljun lira sterlina aktar kmieni milli huwa ppjanat.

Indiċi

Wall Street kien riesaq lejn żieda fil-ftuħ tan-negozju, għalkemm ħafna jiddependu mis-saħħa tad-dħul mis-settur finanzjarju, kif ukoll mill-istatistika dwar il-produzzjoni industrijali, il-bejgħ bl-imnut u l-inflazzjoni qabel il-bidu tan-negozju.

L-istokks Ewropej kienu mistennija li jiżdiedu għat-tielet sessjoni konsekuttiva fost irkupru fis-swieq globali li wasslu għall-ogħla prezzijiet rekord għall-istokks fost sinjali li l-Federal Reserve se jibdel il-politika tiegħu biss b’pass gradwali.

Komoditajiet                                            

Il-prezzijiet taż-żejt illum waqgħu, minħabba inventarji għolja tal-fuel u titjib fl-effiċjenza industrijali, iżda kienu resqin lejn żieda fuq ġimgħa. Il-prezzijiet bil-quddiem għal Brent, ir-referenza internazzjonali għall-prezzijiet taż-żejt, naqsu 7 ċenteżmi , jew 0.1%, għal $48.35 kull barmil, iżda b’żieda ta’ 3.5% fuq ġimgħa.

Il-prezzijiet tad-deheb illum ftit li xejn inbidlu hekk kif id-dollaru ssoda qabel il-ħruġ ta’ statistika ekonomika Amerikana, iżda d-deheb kien riesaq lejn l-ewwel ġimgħa fi tlieta ta’ qligħ.

Il-ġimgħa d-dieħla

Avveniment importanti għall-ġimgħa d-dieħla hija l-laqgħa tal-Bank Ċentrali Ewropew fl-20 tax-xahar.

Is-sitt membri tal-bank u s-16-il Gvernatur tal-banek ċentrali taż-żona tal-ewro jivvotaw dwar ir-rata tal-interessi. L-investituri jistennew bil-ħerqa u attenzjoni r-rati tal-interess għal terminu qasir għax huma l-fattur primarju fil-valutazzjoni tal-munita. Rata ogħla minn dik mistennija tkun pożittiva għal munita unika waqt li rata baxxa tkun negattiva għal munita unika.

Share this Story[social_share/]