BarraninLokali

L-isterlina titbaxxa għall-inqas rata f’xahrejn fost tħassib fuq il-Brexit

Brexit

Muniti Kontra l-Ewro

Id-dollaru Amerikan illum irkupra mit-telfiet aktar kmieni, għax inħass li s-suq kellu reazzjoni kbira għal biża’ dwar l-ewwel konferenza stampa tal-President-elett Donald Trump.

Id-dollaru Awstraljan ukoll irkupra fl-Asja hekk kif il-bejgħ bl-imnut domestiku tefa’ pressjoni fuq il-previżjoni ekonomika għalkemm żieda baxxa fil-prezzijiet għall-konsumatur warrbet tħassib dwar xi żieda fil-prezzijiet tal-produzzjoni.

L-isterlina tbaxxiet għall-inqas rata f’xahrejn minħabba li qed tintlaqat mit-tħassib dwar il-pjani tal-Gvern Brittaniku dwar il-Brexit.

Indiċijiet

Id-Dow Jones tilef 0.17% mal-ftuħ tan-negozju.

Fl-Ewropa, il-FTSE 100 irkupra 0.42% u d-DAX 0.08%. Il-CAC 40 temm in-negozju bl-ebda bdil imqabbel mal-bieraħ waqt li kien hemm tnaqqis ta’ 0.12% fl-iSTOXX 50. In-Nikkei irreġistra telf ta’ 0.76% u l-Indiċi tal-Borża ta’ Malta tela’ b’0.15%.

Ishma Lokali

Fis-suq tal-ishma lokali, it-Tignè Mall kellu l-akbar żieda dik ta’ 3.51%. Segwew il-Malta International Airport b’1.23% u l-GO b’0.61%.
F’territorju negattiv kien hemm il-Plaza Centres u l-Malta Properties Company li t-tnejn tilfu aktar minn 1.5% u l-MaltaPosta b’0.96%. Finalment, il-Bank of Valletta tilef ukoll b’0.22%.

Bonds Lokali

Fis-settur tal-bonds lokali l-unika żieda kienet 0.49% fil-Ħal Mann Vella Group 2024. Kien hemm telf ta’ 4.5% fl-International Hotel Investments 2025, 2.75% fl-Island Hotels Group 2019, u madwar 0.25% fl-International Hotel Investments 2026 u 2020.
Żewġ bonds oħra kienu negozjati llum, il-PTL Holdings 2024 u l-MIDI 2026, iżda bla bidla fil-prezz.

Indikaturi Ekonomiċi

Il-produzzjoni industrijali fi Franza żdiedet aktar milli kienet mistennija x-xahar li għadda. F’rapport, l-INSEE, l-istitut dwar l-istatistika, qal li l-produzzjoni żdiedet għal 2.2% minn 0.1% taħt iż-żero fix-xahar ta’ qabel li ċ-ċifra tiegħu kienet riveduta ‘il fuq minn 0.2% taħt iż-żero.

Prodotti Essenzjali

Il-prezzijiet tad-deheb telgħu għall-ogħla livell f’sitt ġimgħat, hekk kif id-dollaru Amerikan iddgħajjef fost inċertezza dwar il-pass taż-żidiet fir-rati tal-interessi mill-Federal Reserve Board.

Il-prezzijiet taż-żejt telgħu ftit llum wara bejgħ qawwi hekk kif waqgħa fid-Dollaru waslet għal xiri bi prezz baxx, għalkemm l-analisti jsostnu li s-suq jidher vulnerabbli għal aktar tnaqqis fil-prezz.

Share this Story[social_share/]