Prospett ta’ elezzjoni fir-Renju Unit iżomm l-isterlina fl-ogħla livelli f’6 xhur

Muniti kontra l-ewro

L-ewro ssoda qrib l-ogħla rata fi tliet ġimgħat kontra d-Dollaru li baqa’ dgħajjef minħabba rati baxxi tal-interessi u dubji dwar ir-riforma fiskali mwiegħda mill-President Trump. Il-prospett ta’ elezzjoni fir-Renju Unit, sadanittant żamm lill-isterlina qrib l-ogħla livelli f’sitt xhur.

Indiċi

Fil-ftuħ tan-negozju llum, id-Dow Jones tilef 0.04%. Il-FTSE 100 tilef ukoll b’0.17%. Is-swieq       Ewropej b’mod ġenerali wrew żieda ta’ inqas minn 1%. L-iSTOXX 50 żdied b’0.39%.

Ishma Lokali

Kien hemm ċaqliq kbir fis-sessjoni tal-ishma lokali llum. Is-Santumas Shareholdings u Simonds Farsons Cisk żdiedu bi 2.94% u bi 2.78% rispettivament. Il-MIDI u l-Bank of Valletta tilfu 0.31% u 0.45% rispettivament.

Bonds Lokali

Fis-sessjoni tal-bonds lokali, il-Medserv 2020/23 u l-PTL Holdings 2024 żdiedu bi 2.48% u 0.49% rispettivament. Il-ĦalMann Vella Group 2024 u l-Bank of Valletta 2020 tilfu 2.36% u 2.91%.

Indikaturi ekonomiċi

L-inflazzjoni fiż-żona tal-ewro kienet ogħla minn dik inizjalment imbassra. Il-Eurostat ikkonferma li l-inflazzjoni f’Marzu fid-19-il pajjiż tal-ewro, naqset għal 1.5% minn sena għal sena mill-ogħa livell f’erba’ snin ta’ 2%, matul Frar. Il-bilanċ kummerċjali żdied għal $19.2 biljun minn $15.7 biljun fix-xahar ta’ qabel.

Prodotti Essenzjali

Is-Segretarju Ġenerali tal-OPEC, Mohammed Barkindo qal illum li l-produtturi taż-żejt kollha li ħadu sehem fil-ftehim ta’ qtugħ tal-produzzjoni huma kommessi biex inaqqsu l-inventarji globali għal medja ta’ ħames snin u jġibu lura l-istabbiltà lis-suq.

Il-prezz tad-deheb tilef illum hekk kif issaħħaħ id-dollaru, iżda t-tensjonijiet dwar il-Korea ta’ Fuq u l-elezzjonijiet fi Franza u fir-Renju Unit saħħew is-sentiment tal-investitur għal assi meqjusa bħala siguri.

Share this Story[social_share/]