Lokali

27 skola jieħdu l-premju internazzjonali tal-Bandiera l-Ħadra għall-ħidma favur l-ambjent

Għal sena oħra, għadd ta’ skejjel ġew ippreżentati bil-bandiera l-ħadra li tagħraf il-ħidma li wettqu favur l-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli. Il-bnadar jingħataw mill-Fondazzjoni għall-Edukazzjoni fuq l-Ambjent li f’Malta hi rappreżentata minn Nature Trust.

Rappreżentanti tal-istudenti, għalliema u kapijiet ta’ skola li matul is-sena ħadu sehem fil-programm edukattiv u ambjentali Eko-Skola ngħataw l-premju internazzjonali tal-Bandiera l-Ħadra għall-impenn tagħhom biex itejbu l-ambjent fl-iskola fl-aħħar sentejn. Tmien skejjel ħadu rikonoxximent ukoll talli pparteċipaw fil-programm Learning About The Forests (LEAF).

Ir-rikonoxximent ingħata lil 27 skola kemm tal-Gvern u tal-Knisja f’ċerimonja organizzata minn Nature Trust li tikkordina l-programm tal-fondazzjoni għall-edukazzjoni ambjentali. Numru ta’ studenti li pparteċipaw taw rendikont  tal-esperjenza tagħhom fl-eko skola. Tkellmu fost oħrajn dwar il-ħarsien tas-siġar u nnutaw li għadhom jittieħdu deċiżjonijiet li jtellfu l-biodiversità. Huma qalu li se jibqgħu jaħdmu biex jittieħdu dejjem deċiżjonijiet favur żvilupp sostenibbli.

Il-President Marie Louise Coleiro Preca raddet ħajr l-istudenti li huma attivi fis-soċjetà u li mhux qed jiddejqu jitkellmu dwar dak li jixtiequ  jaraw fil-pajjiż. Saħqet li l-ambjent huwa misluf lilna mill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna u jpoġġu fuqna responsabiltajiet kbar.

Il-President tan-Nature Trust Vince Attard qal li n-Nature Trust se tibqa’ tinvesti biex iktar studenti jkollhom iktar għarfien ambjentali.