Lokali

Adrian Delia jippreżenta n-nomina għal Kap tal-PN u jniedi l-kampanja

Bit-tema “Mod Ġdid”, Adrian Delia nieda l-kampanja tiegħu għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Quddiem id-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, Dr Delia qal li ‘l fuq minn 500 persuna qed jappoġġjaw n-nomina tiegħu għal din il-kariga. Huwa qal li hu jista’ jkun strumentali biex it-tiġdid tal-Partit Nazzjonalista jseħħ fid-direzzjoni t-tajba.

Ftit wara li ppreżenta n-nomina tiegħu għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista, l-avukat Adrian Delia stqarr li l-ħolma tiegħu hi li jbiddel il-politika b’dak li jista’ joffri.

Għal Dr Delia, il-fatt li hu ġej minn barra mill-sitrutturi tal-partit, ħa jkun ta’ ġid għall-Partit Nazzjonalista għax qal li wasal iż-żmien li l-Partit jiġġedded mill-qiegħ. Qal li bħala kap tal-Partit se jħaddem stil ta’ politika minn isfel għal fuq, bin-nies li jagħmlu l-politika u jkunu huma stess li jiddeterminaw il-ħtiġijiet, id-direzzjoni u l-aspirazzjonijiet tagħhom. Wiegħed li l-affarijiet se jsiru b’mod ġdid lil hinn mill-politika partiġġjana.

L-avukat Delia qal li għandu tliet prijoritajiet, fosthom ir-ristrutturar tal-media tal-partit, għodda teknoloġika li tiġbor l-informazzjoni bil-għan li l-partit ikun lest għall-elezzjonijiet u li l-Partit Nazzjonalista jkun iktar miftuħ għan-nies bis-sehem ukoll tal-Kunsilliera tal-Partit fil-proċess ta’ tiġdid.

“Bniedem ma jidħolx fil-politika biss biex jinvolvi ruħu fl-attività partiġġjana ta’ partit jew strutturali ta’ partit, imma biex jimmira u jaspira li dak il-partit ikun fil-Gvern, biex intejbu l-ħajja tat-tfal tiegħi li għadhom żgħar, il-ħajja tal-familji Maltin u li dan il-pajjiż isir pajjiż normali, ikun pajjiż li t-tfal tagħna jkunu qed jgħixu ħajja aħjar minn dik li qed ngħixu aħna,” qal Dr Delia.

Mistoqsi dwar il-koalizzjoni bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Demokratiku, Dr Delia qal li din il-koalizzjoni saret stat ta’ fatt, iżda fi kliemu l-koalizzjonijiet bejn il-partiti għandhom isiru wara l-elezzjoni.

Dwar ir-rikorsi fil-Qorti, li ressaq Dr Busuttil biex jiġu investigati Keith Schembri u Konrad Mizzi, Dr Delia qal li wasal iż-żmien li l-Gvern u l-Oppożizzjoni jaraw li din ix-xibka li qed tjassar il-ħsieb politiku tiġi riżolta darba għal dejjem u għandhom ikunu l-istituzzjonijiet li skont il-Kostituzzjoni jagħmlu dmirhom.