Lokali

Barman mhux ħati li faqagħlu tazza ma’ moħħu f’Paceville

Barman ma nstabx ħati li kkawża ġrieħi serji lil klijent billi faqagħlu tazza ma’ moħħu ġo bar f’Paceville, bil-Qorti tgħid li l-proċedura biex ikun identifikat l-akkużat ma kinitx saret kif suppost.

Il-każ imur lura għal Frar 2014, meta fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu Clinton Attard mar flimkien ma’ sieħbu fl-għassa ta’ San Ġiljan biex jagħmel rapport li kien ġie ferut minn tazza li twaddbitlu minn barman waqt li kien fl-iSkyClub. It-tnejn li huma qalu li kienu raw oġġett itir iżda li ma kinux rawh jiġi mwaddab.

Il-pulizija marru fuq il-post u tkellmu ma’ Stephen Azzopardi, li dak il-ħin kien xogħol u kien inkarigat mill-bar fis-sezzjoni tal-VIP. Meta mitkellem mill-Pulizija Azzopardi qal li kien ra ġlieda fuq in-naħa l-oħra tal-bar u li kien mar biex jinforma biha lill-uffiċjali tas-sigurtà, iżda li ma kienx jaf x’inqala’ eżatt. Qal li meta staqsa lill-barmen l-oħra kienu qalulu li xi persuni ma ridux iħallsu għall-vodka.

Azzopardi ttieħed l-għassa u eventwalment kien akkużat li waddab it-tazza lil Attard; xi ħaġa li huwa baqa’ jiċħad.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Doreen Clarke, innutat li Attard u sieħbu ma kinux taw deskrizzjoni tal-barman, u kienu identifikaw lil Azzopardi biss meta ġew murija ritratt tiegħu mill-Pulizija. Dan kien l-uniku ritratt li ntwerew fi proċedura li, skont il-Qorti, “saret kontra kull regola msemmija fil-ġurisprudenza.”

Il-Qorti qalet li l-Prosekuzzjoni kienet naqset milli tisjega għalfejn is-suspett kien waqa’ fuq Azzopardi biss, u li x-xhieda t-tnejn bdew jirrakkontaw l-inċident billi ddeskrivew oġġett itir, li jfisser li ma rawhx jitwaddab.