Lokalimalta

Berbaqlu flusu b’quickcash li baqa’ qatt ma rċieva

Michel Rizzo ta’ 40 sena mill-Fgura tqiegħed taħt ordni ta’ probation għal tliet snin wara li nstab ħati li seba’ snin ilu ffroda b’aktar minn €2,000 permezz ta’ karta tal-kreditu li ma kinitx tiegħu.

Rizzo ġie mixli fost oħrajn li f’April tal-2011 xtara b’€2,020 f’deheb u televixin u li ġibed €1,340 b’quickcash card tal-Bank HSBC li fis-sentenza ma ngħadx kif spiċċat għandu.

Il-każ beda jiġi investigat mill-Pulizija wara li Clinton Borg, sid il-karta tal-kreditu rrapporta lill-pulizija li persuna mhux magħrufa kienet għamlet użu minnha f’bosta ħwienet kif ukoll ATMs. Borg kien qed jistenna karta tal-kreditu u PIN ġdid wara li fl-istess xahar kien irrapporta lill-bank li l-quickcash li kellu kienet iddanneġġjata.

Sadanittant impjegat tal-bank informah li l-kard il-ġdida u l-PIN number (li kien għadu qed jistenna u li qatt ma rċevihom) kienu intużaw f’diversi ħwienet u ATMs.

Rizzo ġie arrestat mill-Pulizija wara li bdiet investigazzjoni mill-pulizija u nqabad jixtri bil-karta tal-kreditu fuq filmati miġbuda minn kameras tas-sigurtà. Apparti dan, bosta sidien ta’ ħwienet għarrfu lill-akkużat, b’wieħed minnhom saħansitra jeħodlu n-numru tal-pjanċi tal-karozza li mar jixtri biha wara li nnotah jibqa’ l-ħin kollu bin-nuċċali u bil-beritta f’rasu kemm dam fil-ħanut.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Josette Demicoli qieset il-fatt li l-Bank radd il-flus kollha li ttieħdu mill-kont ta’ Borg u li l-każ seħħ meta s-Sur Rizzo kien ibati mill-vizzju tad-droga. Qalet li kif tixhed il-fedina penali tiegħu, l-akkużat għamel passi ’l quddiem, qed jaħdem regolarment u għandu familja.

Fid-dawl ta’ dan, il-qorti qieset li huwa opportun li l-akkużat jitqiegħed taħt Ordni ta’ Probation. Il-qorti ordnat ukoll lis-Sur Rizzo jħallas €1,190 lill-Bank HSBC u €830 lil ħanut tad-deheb fi żmien tliet snin.