Barranin

Bniet Musulmani Żvizzeri għandhom jgħumu mas-subien – il-Qorti Ewropea

L-Iżvizzera rebħet każ quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u obbligat lill-ġenituri ta’ żewġt ibniet Musulmani biex jibagħtuhom għal-lezzjonijiet obbligatorji tal-għawm flimkien mas-subien.

Il-Qorti Ewropea qalet li l-awtoritajiet kienu ġustifikati li jinforzaw il-kurrikulu tal-iskola u l-integrazzjoni tat-tfal b’suċċess fis-soċjetà.

Il-ġenituri rrifjutaw li jibagħtu lil uliedhom, li kienu għadhom ma laħqux l-età tal-puberta, għal lezzjonjiet obbligatorji tal-għawm bħala parti mit-tagħlim tagħhom waqt li l-awtoritajiet irrifjutaw li jagħtuhom eżenzjoni u bdew jimmultawhom.

Il-Qorti rrikonoxxiet li t-twemmin reliġjuż kienet kwistjoni u osservat li r-rifjut tal-awtoritajiet li jagħtuhom eżenzjoni kienet tostakola l-libertà tar-reliġjon.

Madankollu, il-qorti osservat li l-iskola kellha rwol speċjali fil-proċess tal-integrazzjoni soċjali, b’mod partikolari meta tfal ikollhom oriġini barranija. Osservat li l-interess tat-tfal li jkollhom edukazzjoni kompleta, kienet tieħu preċedenza fuq ix-xewqa tal-ġenituri li wliedhom jiġu eżentati mil-lezzjonijiet tal-għawm mas-subien.

Qalet li l-attendenza tat-tfal għal dawn il-lezzjonijiet imħallta tal-għawm ma kellhiex biss l-iskop li jitgħallmu jgħumu, iżda fuq kollox li jieħdu parti f’attività ma’ studenti oħrajn, mingħajr eċċezzjoni fuq il-bażi tal-oriġini tat-tfal jew tal-konvinzjonijiet filosofiċi jew reliġjużi.