Lokali

Breathalyser għal wara l-marċ tal-festa

Bl-istaġun tal-festi magħna, il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali u l-Għaqda Każini tal-Banda se jaħdmu proġett flimkien bil-għan li jonqos il-konsum ta’ xorb alkoħoliku żejjed fil-festi. Din l-inizjattiva kienet imnebbħa minn studju Ewropew ippubblikat is-sena l-oħra li wera li ż-żgħażagħ Maltin huma fost l-aktar li jikkunsmaw xorb eċċessiv.

Beda jirranka l-istaġun tal-festi fl-irħula u l-ibliet Maltin u Għawdxin. U għalkemm dan iż-żmien iġib briju u ferħ għad-dilettanti, jagħti lok għal ċerti abbużi fosthom ix-xorb żejjed.

Huwa għalhekk li l-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali u l-Għaqda Każini tal-Banda nedew inizjattiva bl-għan li jkattru l-kuxjenza biex il-festi ma jispiċċawx xalata ta’ xorb alkaħoliku bla rażan.

“Se nagħtu 3,000 breathalyser li dawn huma disposable, tużahom darba u tarmihom, lill-Għaqda Każini tal-Banda biex tqassamhom fost il-membri tagħha u almenu tibda dieħla l-mentalità ‘isma’ jien xrobt … qiegħed f’pożizzjoni li nsuq? Ħa nipprova l-breathalyser biex nara jekk qbiżtx il-limitu,” spjega Alfred Grixti, Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali.

Il-Kap Eżekuttiv tal-fondazzjoni, Alfred Grixti, kompla jgħid li din l-inizjattiva qed issir, għax huwa fatt magħruf li fil-festi jiġi kkonsmat xorb żejjed.

Il-President tal-Għaqda Każini tal-Banda, Noel Camilleri, qal li l-membri tal-kumitati qed jagħmlu l-almu tagħhom biex inaqqsu l-abbuż mix-xorb waqt il-marċijiet.

“Inqajmu awareness fost iż-żgħażagħ tagħna b’mod partikolari, imma anki għal kulħadd biex is-sabiħ tal-festi ma jiġix imtappan b’dawn l-affarijiet li ma jagħmlux ġieħ anki għal dak il-persuna,” qal Camilleri.

Kurt Vella, żagħżugħ u dilettant tal-festi, flimkien ma’ sħabu pproduċew filmat biex jinfurmaw il-pubbliku dwar is-sagrifiċċji li jagħmlu nies bħalu matul is-sena għall-festa u li mhux ġust li dan ix-xogħol kollu jiġi mtappan minħabba nies xurbana. “Ma narawhiex sa ċertu punt ġusta li aħna li naħdmu s-sena kollha jiġu, għax ħafna drabi dawk li jispiċċaw b’abbuż ta’ alkoħol ma jkunux dilettanti, jew anke ma jkunux mill-istess raħal stess,” qal Vella.

Fl-ewwel impenn tiegħu bħala l-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali, Michael Falzon qal li għalkemm il-festi huma parti mit-tradizzjonijiet tal-Maltin u huma għal qalbu ħafna, il-liġijiet kontra x-xorb eċċessiv għandhom jiġu mħarsa biex fost oħrajn jitnaqqas l-abbuż u jkunu evitati l-inċidenti fit-toroq.