BarraninKurżitajiet

Bumper li jintefaħ propost minn Ford għall-prevenzjoni kontra inċidenti fatali

Il-karozzi moderni jiġu ppakkjati b’funzjonijiet ta’ sigurtà mmanifatturati apposta bil-għan li s-sewwieqa u passiġġieri jkunu siguri waqt ħabta. Il-vetturi tal-futur jistgħu jkunu armati wkoll biex jipproteġu lil min ma jkunx fil-karozza, iżda miexi fit-triq.

Il-kumpanija Ford, żvelat id-dettalji ta’ teknoloġija li qed tiżviluppa biex tnaqqas u tipprevjeni l-intensità tal-ġrieħi li persuni li jkun mexjin fit-triq jistgħu jġarrbu meta jittajru minn vettura. L-hekk imsejħa ‘pedestrian protection system’ tuża kameras u sensors biex tinduna jekk vettura tkun se taħbat f’persuna u tirreaġixxi permezz ta’ miżuri biex tnaqqas mill-gravità li jista’ jkollu l-inċident.

Inġiniera ta’ Ford qed jippjanaw li dawn il-miżuri jkunu jinkludu bumper li jintefaħ biex iservi ta’ cushion meta jseħħ l-impatt mal-persuna. Dan il-bumper aktarx ikun joħroġ mill-bonnet malli s-sensors jaqbdu li jkun se jseħħ impatt ma’ persuna. Żviluppaw ukoll mekkaniżmu ‘pop up’ li permezz tiegħu bonnet jgħola fuq molol mal-impatt, biex jassorbi ftit mis-saħħa li biha persuna taħbat miegħu meta tittajjar.