Lokali

‘Celebrant Singers’ jiċċelebraw il-fidi bid-daqq u l-kant

Tnejn u għoxrin mużiċist mill-Amerika jinsabu Malta biex jagħtu kunċerti f’diversi bnadi.

Il-grupp ‘Celebrant Singers’ ta kunċert ta’ mużika stil “praise and worship” fl-Istitut Kattoliku organizzat minn diversi gruppi tat-Tiġdid Kariżmatiku Kattoliku. L-ewwel impenji tagħhom f’Malta kienu kunċerti fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin għall-priġunieri nisa u rġiel.

Dan il-grupp hu ffurmat minn mużiċisti minn diversi knejjes insara, kattoliċi u protestanti li jxandru messaġġ sempliċi ibbażat fuq l-aħbar it-tajba ta’ Kristu.

‘Celebrant Singers’ għandu kantanti mħarrġa flimkien ma’ mużiċisti li jiffurmaw orkestra b’ħoss tassew kontemporanju. L-appuntament li jmiss għal dan il-grupp hu kunċert, it-Tnejn filgħaxija fil-knisja tal-Ħniena Divina, in-Naxxar.