Lokali

Chris Said jippreżenta n-nomina għal Kap tal-PN u jniedi l-kampanja

Chris Said nieda l-kampanja tiegħu għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista bit-tema ‘Flimkien nissaħħu biex nirbħu’. Hu qal li l-kunsilliera u t-tesserati tal-partit iridu jagħżlu kap ta’ partit politiku, u mhux kap eżekuttiv ta’ kumpanija, mingħajr esperjenza fil-politika.

F’Ħal Safi qal li hu mhux se jingħalaq fl-uffiċċju fid-Dar Ċentrali u se jerġa’ jagħti ħajja lill-każini, lilll-istreet leaders u jikkummissjona studju li janalizza l-bidliet soċjali u demografiċi.

Ftit wara li ppreżenta n-nomina għall-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista, Dr Chris Said qal li l-priorità tiegħu fit-tmexxija se tkun li bl-esperjenza twila li għandu fil-partit jerġa’ jagħmlu rebbieħ b’viżjoni politika li tantiċipa l-bidliet fis-soċjetà u li tkun imfassla bi djalogu mal-istrutturi tal-partit u fuq kollox man-nies u l-għaqdiet fl-ibliet u l-irħula.

” Jien bl-esperjenza tiegħi fid-diversi livelli fil-politika ilni iktar minn 30 sena involut fil-politika minn meta ta’ 13/14-il sena, dik tagħtini l-enerġija u d-determinazzjoni biex jien nidħol ‘l quddiem biex inkun nista’ mmexxi lil dan il-partit, inġib flimkien id-diversi ilwien f’dan il-partit, insaħħaħ u nġedded il-partit biex dan il-partit ikun f’pożizzjoni li jġib lura l-maġġoranza tal-poplu Malti u Għawdxi,” qal Dr Said.

Waqt li indirizza lill-ġurnalisti f’Ħal Safi li, fi kliemu, hu raħal fin-naħa t’isfel fejn il-partit kellu l-maġġoranza u tilifiha, Dr Said qal li ta ħajtu għall-Partit Nazzjonalista u jaf id-difetti u l-preġji tiegħu. Qal li din mhix xi avventura personali iżda sfida li lest jidħol għaliha b’impenn biex il-Partit jerġa’ jġibu fuq saqajh. Fakkar kif wara d-disfatta elettorali tal-2013 kien daħal għall-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-partit u fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u l-Parlament Ewropew tal-2015, il-Partit Nazzjonalista naqqas id-distakk bin-nofs.

Id-Deputat Nazzjonalista qal li l-bibien tad-Dar Ċentrali se jkunu miftuħin beraħ għall-persuni ġenwini li jġibu l-interessi tal-pajjiż u tal-partit qabel l-interessi personali tagħhom. Qal li mill-inqas darba fil-ġimgħa se jkun qed jaħdem mill-każini li jixtieq li jerġgħu jingħataw il-ħajja u jibdew jintużaw ukoll mill-komunità. Qal li jrid jerġa’ jibda s-sistema tal-istreet leaders, jiġġieled il-power of incumbency, iniedi strateġija għall-ħaddiema b’ħatriet mill-ħaddiema infushom li jservu ta’ pont mal-Partit Nazzjonalista u jwaqqaf grupp ta’ ħassieba li jgħin lill-partit jiżviluppa l-politika tiegħu li tirrifletti l-aspirazzjonijiet tan-nies.