Lokali

Dgħajsa bin-nies fuqha fl-Armier tegħreq f’ħakka t’għajn

Dgħajsa li fuqha kien hemm erba’ persuni lbieraħ waranofsinhar spiċċat taħt l-ilma fi ftit minuti, wara li żviluppatilha ħsara teknika meta kienet ftit ‘il barra miż-żona tal-għawm fl-Armier.

Il-persuni abbord ittellgħu malajr fuq dgħajsa oħra li kienet fil-viċin, bl-inċident li seta’ kellu konsegwenzi ferm iktar serji kieku d-dgħajsa kienet tinsab f’nofs ta’ baħar, minflok qrib ix-xatt.

Kien Mohab Fahmi li permezz tad-dgħajsa tiegħu ta l-ewwel għajnuna lil dawk li kellhom id-dgħajsa qed tegħreq. Huwa qal lil tvm.com.mt li l-ħsara setgħet żviluppat minn ‘two-way valve’ fil-kċina tad-dgħajsa, li beda dieħel l-ilma minnu.

Fahmi appella biex kull min joħroġ bid-dgħajsa jkun konxju ta’ dawn il-perikli u dejjem jiċċekkja li t-tagħmir kollu fid-dgħajsa jinsab f’kundizzjoni tajba.