Lokali

Muscat u Busuttil jiffaċċjaw lil xulxin waqt dibattitu f’Xarabank

Il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil iffaċċjaw lil xulxin f’dibattitu f’Xarabank dwar l-allegazzjoni li l-kumpanija Egrant hija ta’ mart il-Prim Ministru.

Dr Muscat irrefera għall-aħħar blog ta’ Daphne Caruana Galizia bit-transkrizzjoni li l-kumpanija Egrant hija ta’ martu. Sfida lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex jgħid jekk jaċċettax dan id-dokument bħala awtentiku. Dr Busuttil qal li għadu ma rahx. Il-Prim Ministru elenka diversi punti tad-dokument li qal huma konferma li dan dokument falz fost oħrajn għax l-indirizz ta’ kumpanija fil-Panama ma jistax ikun indirizz f’Malta u lanqas jista’ jkun li l-kumpanija Egrant inbiegħet mill-istess nies fi żminijiet differenti u anke għax Michelle Muscat qatt ma ssemmiet fil-Panama Papers.

Dr Muscat sfida diversi drabi lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex iġib prova waħda biex jissostanzja l-akkuża, b’Dr Busuttil jinsisti li l-provi irid jinġabru mill-istituzzjonijiet li huwa qal mhux jagħmlu dmirhom speċjalment il-pulizija. Dr Muscat wieġeb li huwa għamel dmiru u talabhom jinvestigaw waqt li qal li l-kap tal-oppożizzjoni fil-kariga kostituzzjonali tiegħu qiegħed jimmina l-istituzzjonijiet.

Dr Busuttil qal li l-investigazzjoni ntalbet wara li sid il-bank Iranjan Pilatus ħareġ id-dokumenti mill-bank bil-Prim Ministru jsostni li t-transazzjonijiet bankarji jibqgħu rreġistrati b’sistema diġitali internazzjonali li ma titħassarx. Dr Busuttil irrefera għall-investigazzjoni tal-FIAU dwar ħasil ta’ flus, bil-Prim Ministru jgħid li huwa bħala Prim Ministru ma jistax jindaħal f’dawn l-investigazzjonijiet. Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Prim Ministru tilef il-kredibbiltà għax naqas li jneħħi lit-tliet persuni qrib tiegħu meta sar magħruf li għandhom kumpaniji sigrieti.

Dr Busuttil staqsa jekk Keith Schembri għandux kont mal-Pilatus Bank bil-Prim Ministru jwieġeb li ma jafx u staqsa lil Dr Busuttil jekk jafx fejn qegħdin il-kontijiet bankarji tal-assistenti tiegħu. Il-Kap tal-Oppożizzjoni sfida lill-Prim Ministru jgħid kif Konrad Mizzi u Keith Schembri kienu ser jinvestu miljun ewro fis-sena. Wieġeb Dr Muscat li Dr Busuttil jista’ jistaqsi lill-viċi kap tiegħu Beppe Fenech Adami kif il-kont tiegħu żdied għal miljun ewro meta kien hemm investigazzjoni fuq ħasil ta’ flus b’konnessjoni ma’ Capital One.

Dr Busuttil akkuża lill-Prim Ministru li ta liċenzja lill-Bank Iranjan biex jagħmel il-ħmieġ. Dr Muscat wieġeb li l-permessi tal-banek ma jinħarġux minnu iżda miċ-ċentru għas-servizzi finanzjarji li ċ-chairman tiegħu gawda r-rispett ta’ tlett amminsitrazzjonijiet Nazzjonalisti u Laburisti. Wara akkużaw li xulxin li involvew il-familjari f’attakki politiċi, iż-żewġ mexxejja taw kelma lil xulxin li jħallu l-familji tagħhom ’il barra mill-attakki politiċi, b’Dr Muscat jgħid li ma jafx kemm dan ser ikun onorat minn Daphne Caruana Galizia.