Lokali

Aġġornat: Erbgħa arrestati wara qabda ta’ 10 kilogrammi kokaina fl-Imsida mal-lejl

Żewġ Belġjani ġew arrestati wara li nqabdu fil-pussess ta’ aktar minn għaxar kilogrammi droga kokaina, ftit tal-ħin wara li waslu Malta bil-baħar minn Sqallija. Fuq l-istess kaz, il-Pulizija arrestat ukoll żewġ Maltin.

Din il-qabda sostanzjali ta’ droga ssegwi ġimgħat ta’ stħarriġ flimkien mill-Pulizija ta’ Malta u tal-Belġju dwar traffikar ta’ droga bejn iż-żewġ pajjiżi.

Il-persuni  Belgjani arrestati huma mara ta’ 62 sena u raġel ta’ 45 sena. Iz-zewg Maltin arrestati fuq suspett ta’ komplecita huma minn Hal Safi u minn Birkirkara.

Il-Pulizija f’Malta jidher li kellhom tagħrif li l-koppja Belgjana kellha tasal bil-katamaran minn Pozzallo fi Sqallija.

Il-Pulizija segwew lill-Belġjani neżlin minn fuq il-katamaran u segwewhom sal-lukanda fejn kienu se joqogħdu.  Hemmhekk il-Belġjani niżlu mill-karozza u rikbu f’oħra u saqu  minn fuq il post.

Il-Pulizija komplew isegwuhom sakemm waqfuhom qrib l-Imsida.  Fi tfittxija li saret fil-karozza, instabet id-droga kokaina.  Ir-raġel u l-mara ġew arrestati. Il-Pulizija arrestaw ukoll żewġt’irġiel Maltin: wieħed ta’ 38 sena minn Birkirkara u ieħor ta’ 41 sena minn Ħal Safi li allegatament kienu kompliċi mal-Belġjani fit-traffikar tad-droga lejn Malta.

L-erba’ persuni qed jinżammu arrestati u mhux eskluż li jitressqu l-qorti fis-sigħat li ġejjin mixlija bl-importazzjoni, traffikar u pussess aggravat tad-droga.