Barranin

Evidenza ġdida li pilloli tal-epilessija kkawżaw difetti f’eluf ta’ trabi

Studju preliminari fi Franza kkonkluda li mediċina li ngħatat lil nisa tqal għall-kundizzjoni tal-epilessija u d-diżordni tal-bipolar kkawżat “difetti serji” f’aktar minn 4,100 tarbija.

L-istudju sab li ommijiet li ngħataw il-mediċina bl-isem ta’ valproate kellhom erba’ darbiet aktar ċans li jwelldu tarbija b’difett. Din il-mediċina li hija preskritta b’mod wiesgħa ħafna madwar id-dinja, daħlet fi Franza fl-1967.

It-tobba fi Franza qed jingħataw il-parir biex ma jagħtux din il-mediċina lil bniet, nisa li jista’ jkollhom it-tfal u nisa tqal.
Sanofi, il-kumpanija li timmanifattura din il-mediċina qalet fi stqarrija li hija kienet “għalkollox trasparenti mal-awtoritajiet tas-saħħa”.

Uħud minn dawk milquta qalu li l-awtoritajiet Franċiżi u l-kumpanija damu ħafna biex iwissu dwar is-‘side-effects’.
Skont ir-rapport il-ġdid (fi Franza) mill-Aġenzija Nazzjonali Franċiża għas-Sigurtà tal-Mediċini (ANSM), bejn 2,150 u 4,100 tifel u tifla kellhom difett serju kawża ta’ din il-mediċina.

L-istudju kkonferma li din il-mediċina tista’ tikkawża difetti serji fit-twelid, qal Mahmoud Zureik, id-direttur xjentifiku ta’ ANSM u l-ko-awtur tar-rapport lill-aġenzija tal-aħbarijiet AFP. Huwa qal li ċ-ċifra ta’ madwar 3,000 difett serju hija għolja ħafna.

It-tipi ta’ difetti fit-twelid kienu jinkludu spina bifida.

Intant għadd ta’ familji ta’ tfal li twieldu b’difett fi twelid lil nisa li ħadu din il-mediċina fit-tqala, ingħaqdu taħt kappa waħda magħrufa bħala APESAC u qegħdin ifittxu lill-kumpanija għad-danni. Huma qed isostnu li l-kumpanija ma wissiethomx biżżejjed dwar ir-riskji marbuta magħha.