Lokali

Aġġornat – Justyne Caruana tiċħad l-allegazzjonijiet ta’ ittra anonima dwar il-każ tad-droga f’Għawdex

Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana ċaħdet li għandha xi konnessjoni ma’ każ tad-droga f’Għawdex, wara ittra anonima li l-Viċi Kap Nazzjonalista Beppe Fenech Adami ppreżenta fil-Parlament u li fiha kienet tissemma’ Dr Caruana.

Fenech Adami poġġa fuq il-mejda tal-Kamra tad-Deputati ittra anonima li qal li rċevew xi deputati illi s-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana u l-Maġistrat Grezzju Mercieca kienu preżenti f’laqgħa fil-Ministeru ta’ Għawdex f’Ottubru 2016 fejn iltaqgħu ma’ ġenitur ta’ wieħed minn żewġ żgħażagħ implikati fi traffikar ta’ droga skont kif żvelat f’ġurnal tal-Ħadd xi ġimgħat ilu fejn tbiddlet il-verżjoni ta’ dak li ġara.

L-Avukat Fenech Adami qal li huwa konvint li la dan m’huwiex minnu u li l-avukati Caruana u Mercieca qed jintużaw biex jiżvijjaw l-inkjesta li qed issir dwar il-każ u li qed tintuża l-Oppożizzjoni biex isir dan.

L-Avukat Fenech Adami ilmenta li l-inkjesta qed issir minn avukat u mhux minn ex membri tal-ġudikatura. Huwa lmenta mir-rabta ta’ traffikanti tad-droga ma’ politiċi.

Fit-tweġiba tiegħu, il-Ministru tal-Intern Carmelo Abela qal illi wieħed għandu jistenna l-eżitu tal-inkjesta li qed issir u wieħed ma jistenniex li huwa għandu jindaħal fl-investigazzjoni. Il-Ministru Abela qal li r-ritratti ppubblikati juru nies imdaħħla fit-tixrid tad-droga f’ritratti mal-Kap tal-Oppożizzjoni.

Intant, fi stqarrija, is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana ċaħdet li għandha xi konnessjoni mal-każ li ssemma’ fuq il-gazzetti, u li diġà infetħet inkjesta indipendenti dwaru. Sostniet li l-ġustizzja għandha titħalla tieħu l-kors tagħha mingħajr ma tiġi preġudikata b’allegazzjonijiet anonimi.