Lokali

Festival bi 18-il kanzunetta Maltija li jinkoraġixxi l-libertà tal-espressjoni

Kollha kanzunetti bil-Malti f’festival li jinkoraġġixxi l-libertà tal-espressjoni. Dawn huma fost l-ingredjenti ewlenin tal-festival “L-Għanja tal-Poplu”, bl-edizzjoni li jmiss konfermata għat-2 ta’ Settembru. L-organzizaturi ħabbru wkoll il-ħsieb tagħhom li s-sena d-dieħla jorganizzaw festival fuq dawn il-linji għal studenti fis-sekondarja.

Tmintax-il kanzunetta bil-Malti se jikkompetu fil-41 edizzjoni tal-Festival l-Għanja tal-Poplu f’Settembru li ġej.

“18-il kanzunetta li ntgħażlu minn fost 131 kanzunetta b’għarbiel fin ħafna minn diversi timijiet ta’ ġurati u f’diversi serati fosthom anki serati live. Skont il-ġurija u anki aħna smajna l-kanzunetti, hemm taħlita sabiħa ta’ kanzunetti diversi stili fejn il-mużika Maltija, il-kanzunetta Maltija bħalissa qiegħda timraħ,” spjega Noel Damato, PRO tal-Għajna tal-Poplu.

Ic-chairperson tal-kumitat, Charles Schembri, qal li dan huwa festival li jinkoraġġixxi l-libertà tal-espressjoni u għalhekk il-kantanti, awturi u kompożituri kienu imhegga jittrattaw temi varji relevanti fis-soċjeta’ tal-lum.

Fl-edizzjoni ta’ din is-sena se jingħata premju għall-oriġinalità u għall-aħjar recording tal-kanzunetta bil-għan li jippremjaw lill-kanzunetti friski u ta’ kwalità biex jindaqqu mill-istazzjonijiet tar-radju b’appell lill-istazzjonijiiet biex idoqqu kanzunetti Maltin bil-Malti.

Il-festival qed jittella bl-għajnuna tal-Cultural Partnership Agreement tal-Kunsill Malti għall-Arti – ftehim ta’ tliet snin li bih il-Kunsill jgħin biex il-mużika Maltija tikber u tissaħħaħ. Il-festival għandu l-appoġġ tal-PBS li se jxandru fuq l-istazzjonijiet tiegħu.

Il-kumitat organizzativ ħabbar li ser jiġi organizzat ukoll festival simili għall-istudenti tal-iskejjel sekondarji bl-appoġġ tal-Akkademja tal-Malti u tal-Kulleġġ San Benedittu. L-applikazzjonijiet għal dan il-festival se jintlaqgħu sal-bidu ta’ Novembru u l-festival mistenni jsir f’Marzu tas-sena d-dieħla.