Lokali

Fil-Qorti t’Għawdex: jgħidu li l-cassettes bix-xhieda kienu jħassruhom biex jerġgħu jużawhom

Il-Maġistrat Joe Mifsud kellu kliem iebes għall-mod kif kienet tinżamm ix-xhieda rrekordjata fil-bini tal-Qorti ta’ Għawdex.

F’sentenza ta’ 112-il paġna li fiha missier ma nstabx ħati ta’ abbuż sesswali fuq bintu ta’ 3 snin, il-Maġistrat ma setax jisma’ mill-ġdid ix-xhieda li tat il-bint f’April tal-2008 wara tgħarraf li din ma kinitx disponibbli.

B’reazzjoni għat-talba li għamel, l-Amministrazzjoni tal-Qorti ta’ Għawdex għarrfitu li l-apparat li kellhom ma kellux il-faċilità li jirrekordja u kien jipprovdi biss trasmissjoni live bejn is-sigrieta u l-awla. Dwar l-audio tape (cassette) ingħad li dan tħassar ukoll għax f’dak iż-żmien kienu jitħassru wara sentejn biex jerġgħu jintużaw għal aktar minn darba.

Il-Maġistrat Mifsud qal li l-Qorti ma kinitx sodisfatta b’din ir-risposta għax f’dan il-każ ix-xhieda tat-tifla kienet importanti ħafna u l-audio tape kellu jkun issiġillat u ppriservat fl-atti u mhux jitħassar biex il-casette jintuża għal kawza oħra.

“Din il-Qorti għalkemm ilha issa aktar minn sentejn isservi Għawdex għadha ma tistax tifhem ċertu loġika li biha jsir ċertu raġunar, u l-konsegwenzi li jħallu deċizjonijiet infeliċi bħal dawn. Hemm min jisma’ xi argument bħal dan u jitbissem, din il-Qorti titnikket”, qal il-Maġistrat Mifsud.

Huwa rrimarka li f’dawn l-aħħar snin, bdiet prassi tajba li investigazzjonijiet bħal f’dan il-każ jsiru taħt il-kappa ta’ inkjesta maġisterjali.