Barranin

Fir-Renju Unit: ħidma biex it-tikketti jindikaw zokkor miżjud mal-ikel

Fir-Renju Unit qed issir kampanja biex fuq it-tikketti tal-prodotti tal-ikel jibda jiġi indikat jekk ikollhomx zokkor miżjud. Dan bil-għan li l-konsumatur jagħraf liema prodotti huma aħjar għas-saħħa, biex jevita l-obeżità.

Din il-kampanja bdiet wara li xjentisti mill-Università ta’ Cambridge żviluppaw test li jiddistingwi z-zokkor naturali tal-ikel u z-zokkor miżjud mal-ikel. Jekk l-ikel ma jkollux livell għoli ta’ zokkor miżjud, il-prodott jista’ jkollu l-marka ‘Sugarwise’ miżjuda fuq it-tikketta.

L-idea għal dan it-test ħarġet minn omm, Rend Platings, li meta bdiet tfittex l-aħjar ikel biex tagħti lit-tarbija tagħha, sabet li l-ikel tat-trabi kien mimli zokkor.

Is-sena l-oħra l-kumitat xjentifiku li jagħti parir lill-gvern Ingliż dwar in-nutrizzjoni, irrakkomanda li mill-kaloriji li persuna tikkonsma f’ġurnata, sa 5% biss għandhom jiġu minn zokkor miżjud fl-ikel. Dr Tom Simmonds, wieħed mir-riċerkaturi li ħadem biex jiżviluppa dan it-test, qal li l-maġġoranza tal-persuni jikkunsmaw ferm aktar zokkor miżjud mal-ikel mill-ammont irrakkomdat. Huwa qal li bl-iżvilupp ta’ dan it-test u l-marki fuq it-tikketti, ix-xjentisti qed jittamaw li l-konsumatur jagħraf jieħu deċiżjonijiet aktar għaqlin għal saħħtu.