Barranin

Fl-Indja: omm tagħti l-utru lil bintha minħabba li twieldet mingħajru

Fl-ewwel intervent kirurgu tat-tip tiegħu fl-Indja, tfajla ta’ 21 sena sarilha trapjant tal-utru. Dan wara li ommha ta’ 43 sena, tatha l-utru tagħha b’donazzjoni minħabba li bintha kienet twieldet mingħajru.

L-intervent mediku sar fl-isptar Galaxy Care, f’Pune, ilbieraħ, bit-tfajla trid tistenna sena qabel ma tkun taf jekk hux se tkun tista’ jkollha tfal. Madankollu fejn qabel qatt ma kellha ċans li jkollha l-ulied tagħha, issa qed tara xaqq ta’ dawl.

Id-direttur mediku tal-isptar Dr Shailesh Puntambekar qal li l-omm u l-bint it-tnejn jinsabu f’qagħda stabbli wara l-operazzjoni li ħadet disa’ sigħat u nofs b’kollox. Sostna li mil-lat tekniku l-operazzjoni hija waħda diffiċli ħafna, għalhekk tieħu daqshekk fit-tul. Spjega li t-tfajla trid tagħti sena ċans lil ġisimha jidra l-utru l-ġdid, imbagħad tkun tista’ tibda l-proċess tal-IVF bit-tama li tinqabad tqila.

It-tabib Mats Brännström, professur fl-Università Gothenburg fl-Iżvezja, qal li fl-istorja dinjija sitt itrabi biss twieldu minn trapjanti tal-utru, bi tnejn minnhom huma tal-istess omm.