Lokali

F’liema postijiet l-iktar li siefru l-Maltin din is-sena?

Waqt li ħafna f’dawn il-jiem ippakkjaw il-bagalji għall-btajjel tagħhom, l-ajruport internazzjonali ta’ Malta qal li qed iħejji għall-aktar ijiem ta’ xogħol fl-ajruport. Il-kumpanija MIA qalet li nhar il-Ħamis ser ikun l-aktar jum impenjattiv meta mill-ajruport mistennija jgħaddu 26,000 passiġġier f’ġurnata waħda.

Il-ġimgħa ta’ Santa Marija titqies bħala waħda mill-aktar trankwilli tas-sena – b’ħafna ħaddiema bix-shutdown u oħrajn bil-leave. L-istatistika tikkonferma li ħafna mill-ivjaġġar għal btala kemm mill-Maltin u anke mill-barrranin ikun fl-aqwa tiegħu f’ dan iż-żmien.

Għalkemm il-Maltin saru aktar avventurużi fis-safar, il-pajjiżi Ewropej u tal-Mediterran għadhom fost l-aktar destinazzjonijiet imfittxija.

“Għandek tip ta’ nies li jfittxu lejn l-Ewropa ta’ fuq, lejn l-Iskandinavja u postijiet Baltiċi jiġifieri din is-sena naħseb li dawk kienu l-aktar popolari. Imbagħad għandek postijiet bħal gżejjer Griegi pereżempju,” spjega l-Aġent tal-Ivvjaġġar Kevin Sciortino.

Bħal kull ħaġa oħra . . . l-aġenti jirrimarkaw li anke fl-ivjaġġar tidħol il-moda. “Dubai is so up and coming… kull ma qed jagħmlu isbaħ, aħjar, iktar popolari, allura qisu kulħadd irid imur… hija d-destinazzjoni tal-ħolm… kemm nixtieq imur hemmhekk. Ovvjament nemmen li jkun hemm destinazzjonijiet li jkunu moda,” qalet l-Aġent tal-Ivvjaġġar Rachel Vella.

Bil-miġja tal-internet, ħafna vjaġġaturi llum jorganizzaw is-safar għal rashom flok imorru ma’ ġiti organizzati mill-aġenti tal-ivvjaġġjar. Dan filwaqt li hemm diversi fatturi oħra li jikkunsidraw il-Maltin fid-deċizjoni tagħhom biex jieħdu ftit jiem ta’ serħan anke għax il-gosti u l-bżonnijiet ivarjaw.

Dawn kienu l-kummenti ta’ xi wħud mill-Maltin li bbukkjaw safra:

“Għażilt lilha għax għandi t-tifla l-Ingilterra, għax is-soltu nmur qabel għall-holiday, jew anzi aktar tard.”

“Sejrin l-Ungerija għall-festival.”

“Għandi t-tifla qed tagħmel l-Erasmus il-Ġermanja, sejra sa ħdejha, però sejjer għas-sħana għax qaltli hemm is-sħana.”

“Is-Serbja għax immur għall-kaċċa.”

Skont l-aħħar ċifri tal-uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, il-Maltin jonfqu medja ta’ ftit aktar minn €800 fuq kull vjaġġ. Is-sajf huwa l-iktar staġun popolari għall-ivvjaġġar, għalkemm l-ivvjaġġar mhux limtat biss għas-sajf, tant li l-aħħar ċifri tal-NSO juru li fl-ewwel tliet xhur tas-sena, mal-115-il elf residenti f’Malta ivvjaġġaw għal btala jew fuq xogħol.

Madankollu l-attività fl-ajruport tilħaq l-aqwa tagħha f’dan iż-żmien tas-sena, kemm mill-vjaġġaturi Maltin, kif ukoll mit-turisti.