KurżitajietLokali

Golden Bay meqjusa waħda mill-20 bajjiet Ewropej li wieħed għandu jżur f’Mejju

Il-ġurnal Ingliż Telegraph għażel il-bajja ta’ Għajn Tuffieħa bħala waħda mill-għoxrin bajjiet Ewropej li d-dilettanti għandhom iżuru f’Mejju. Dan minħabba l-ġmiel ta’ din il-bajja, partikolarment meta ma tkunx miżgħuda bin-nies. L-artiklu tat-Telegraph jgħid li din is-sena f’Mejju ċertu bajjiet se jkunu ideali għal min ikun irid jaqta’ mill-ħajja mgħaġġla ta’ kuljum u li Golden Bay hija waħda minnhom.

Golden Bay f’Għajn Tuffieħa ngħatat it-18-il post f’din il-lista. Minbarra l-bajja ta’ Għajn Tuffieħa fil-lista jissemmew ukoll bajjiet f’Tenerife, Gran Canaria, Ibiża, u Majorca fost l-oħrajn.

Dwar il-bajja ta’ Għajn Tuffieħa t-Telegraph qal li l-bajja li tinsab fil-Majjistral tal-gżira u ‘l bogħod miż-żoni turistiċi prinċipali ta’ San Ġiljan u Tas-Sliema, hija ġawhra fil-gżejjer. Qal ukoll li l-bajja tista’ tintlaħaq biss minn taraġ u li qiegħda fil-viċinanzi ta’ torri tal-għassa tas-seklu 17.