Lokali

Ġuvni mitluf wara li qabeż il-baħar f’Tas-Sliema – tlieta oħra salvati

Franċiż ta’ madwar 20 sena jinsab mitluf wara li qabeż minn fuq dgħajsa tal-cruises flimkien ma’ ħamsa oħra minn sħabu.

Iż-żgħażagħ Franċiżi, li l-etajiet tagħhom ivarjaw bejn 19 u 21 sena, qabżu l-baħar għall-ħabta tan-12.30 ta’ bil-lejl, meta d-dgħajsa kienet dieħla lura max-Xatt Tas-Sliema.

Il-Pulizija u l-Forzi Armati ta’ Malta bdew ifittxu liż-żgħażagħ fil-baħar, fejn eventwalment salvaw tlieta minnhom. Wieħed miż-żgħażagħ tela’ max-xatt waħdu, u l-ieħor instab iktar tard f’kamartu.

Kelliem għall-Pulizija qal lil tvm.com.mt li t-tfittxija għaż-żagħżugħ nieqes saret ukoll fir-residenza tiegħu fis-Swieqi, fejn madanakollu baqa’ ma nstabx.

Kelliem għall-AFM qal lil dan is-sit li t-tfittxija fil-baħar bdiet min-naħa ta’ Tignè u kompliet lejn it-Tramuntana tal-gżira, iżda issa ż-żona ta’ tfittxija qed tikber iktar ma jgħaddi l-ħin.