Lokali

Ħames snin ħabs għal għalliema ta’ 34 sena li tajret u qatlet anzjan f’Ħ’Attard

Għalliema ta’ 34 sena ġiet ikkundannata ħames snin ħabs wara li nstabet ħatja li tajret żewġ aħwa anzjani f’Ħ’Attard u qatlet wieħed minnhom b’mod involontarju. L-inċident seħħ f’Mejju 2011 meta l-għalliema kienet qed issuq fi Triq l-Imdina lejn ir-Rabat biex tmur lura d-dar wara x-xogħol.

Dorianne Camilleri nstabet ħatja li qatlet lil Alfred Zahra ta’ 64 sena mill-Imsida, kif ukoll li weġġgħet gravi lil oħtu Carmela Zahra li dak iż-żmien kellha 75 sena.

Il-Qorti kkunsidrat kif l-uniku xhud li setgħet tgħid x’ġara kienet l-għalliema stess, hekk kif il-vittma miet jumejn wara, u oħtu ma tiftakarx x’ġara peress li baqgħet b’diżabbiltà.

Camilleri xehdet kif kienet qed issuq wara karozzi oħra, li kien hemm it-traffiku, u li kienet qed issuq bil-ħamsin kilometru fis-siegħa. Irrakkontat kif waqfet tistenna wara vann, u meta dan saq, bdiet taqla’ biex issuq ‘il quddiem hi ukoll.

Tgħid li f’daqqa u l-ħin rat il-windscreen jinfaqa’, ħadet xokk, għafset il-brejkijiet u waqqfet il-karozza mal-ġenb. Malli ħarġet irrealizzat x’kien ġara, qabadha xokk kbir u bdiet tgħajjat lin-nies għall-għajnuna.

Ftit ‘il bogħod minn fejn seħħ l-inċident hemm ‘pelican crossing’. Camilleri xehdet kif ma stennietx li se jaqsmilha xi ħadd minn dak il-post: “Qatt ma tista’ tobsor li se jkun hemm pedestrians jaqsmu… li ħa joħorġulek minn wara centre strip, minn wara vann, u ssibhom ma’ wiċċek.”

Il-Qorti m’emmnitx li Camilleri kienet qed issuq bil-ħamsin, kemm minħabba t-traffiku li ddeskriviet, u anki mill-ħsara fil-karozza, fejn min ittajjar tkaxkar fuq quddiem b’mod li faqa’ l-ħġieġa, u kompla jitkaxkar fuq is-saqaf għal fuq il-bagoll. Il-provi jindikaw ukoll li l-anzjani qasmu minn fuq il-bankina, u mhux mis-centre strip.

Fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti qalet li l-uniku piena li tista’ tagħti hija dik ta’ priġunerija effettiva.

Il-Qorti kkunsidrat ukoll li Camilleri għandha kondotta nadifa u diġà qed tbati psikoloġikament għal dak li seħħ, u għalhekk ikkonkludiet li l-piena għandha tkun viċin il-minimu.

Filwaqt li kkundannatha ħames snin ħabs, il-Qorti ssospenditilha wkoll il-liċenzja tas-sewqan għal ħames snin oħra u ordnatilha tħallas €2,400 fi spejjeż tal-Qorti.

Il-Qorti kienet ippreseduta mill-Maġistrat Doreen Clarke, filwaqt li l-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Silvana Zrinzo Azzopardi.