Lokali

Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum

Times of Malta:

L-assenteiżmu fl-iskejjel li jinsabu fiż-żona tal-port, u li jinkorporaw lokalitajiet bħall-Belt, Furjana, Pietà, Marsa u Raħal Ġdid, naqas bin-nofs. Xena minn attività li saret fl-Esplora, iċ-ċentru tax-xjenza u l-arti lbieraħ fil-konklużjoni tal-Malta International Arts Festival. Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne jgħid li għandu għadd ta’ affarijiet x’iwettaq u xogħol li jeħtieġ jikkonkludi qabel ma jieħu btala għas-Sajf.

L-Orizzont:

Storja ritratt dwar kif għadd ta’ karavans qed jingombraw il-bajja tal-Mistra. Il-ġurnal jikkwota wkoll lill-Prim Ministru Joseph Muscat li qal li l-gvern se jkompli jaħdem biex iwettaq aktar bidlie. Ħtieġa li jkollna Parlament aktar ħaj: fl-ewwel kummenti tiegħu wara l-ħatra ta’ Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, Chris Fearne, jisħaq li huwa jemmen li hemm bżonn tibdil kostituzzjonali biex titwessa’ l-parteċipazzjoni fil-ħajja politika.

The Malta Independent:

Is-salamun importat huwa kkonsmat bi kwantitajiet akbar minn ħut lokali frisk. Vittmi li qed jallegaw li twettqu każi ta’ abbuż sesswali f’ Dar San Ġużepp f’Santa Venera qalu li l-maratona biex tiġbor fondi għall-vittmi li ssir fl-istess istituzzjoni m’għandiex issir hemmhekk u se jfittxu parir legali biex titwaqqaf. U t-tennista Żvizzeru, Roger Federer, jirbaħ it-tournament ta’ Wimbledon għat-tmien darba li huwa rekord.

In-Nazzjon:

Il-Ġostra fl-Imsida: storja ritratt li turi xena waqt it-tradizzjoni tal-ġostra li hija organizzata kull sena fl-Imsida fi żmien il-festa ta’ San Ġużepp. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil jgħid li l-Partit Nazzjonalista huwa meħtieġ biex terġa’ ssaltan il-ġustizzja fil-pajjiż. Fi stejjer oħra il-ġurnal jirrapporta kif dwar id-dikjarazzjonijiet serji ta’ eks uffiċjal tal-Financial Intelligence Analysis Unit, il-pulizija twieġeb f’erba’ linji u jwieġeb ukoll id-DOI. Fattiga tinqabad twettaq 24 serqa minn lukanda u Oliver Friggieri jitkellem dwar l-sifidi ta’ gvern Malti modern u r-riżultat tal-elezzjoni.