KurżitajietLokali

Jinġabru l-ħnieżer maħruba fil-Qrendi

15875402_576787332518730_6446986079711939752_o

Il-ħnieżer maħruba fil-Qrendi nġabru mill-awtoritajiet aktar kmieni llum waranofsinhar. Il-Kunsill Lokali tal-Qrendi qal dan fi stqarrija wara li dalgħodu kien irrapporta li kien hemm xi ħnieżer maħruba fil-lokalità tiegħu.

Dalgħodu l-Kunsill Lokali qal li tlett iħnieżer tat-tip ‘potbelly’ jidhru li ħarbu minn xi razzett fil-Qrendi. Il-Kunsill Lokali tal-Qrendi qal fi stqarrija li l-ħnieżer maħruba jew forsi abbandunati jinsabu f’għalqa fi Triq it-Tempesta. Il-Kunsill avża lill-pubbliku biex joqgħod attent u ma jipprovax imiss il-ħnieżer minħabba li dawn jistgħu jkunu perikolużi. Ħeġġeġ ukoll lil min jaf lil sidhom biex jagħmel kuntatt miegħu mill-aktar fis possibbli, biex dawn jinġabru malajr kemm jista’ jkun.

Madankollu aktar tard il-ħaddiema tal-VPD mill-Biċċerija kif ukoll il-ħaddiema tal-Animali Welfare sabu erbat iħnieżer f’żewġ żoni differenti fil-Qrendi, bil-ħnieżer jinġabru biex jiġi evitat xi periklu li setgħu joffru.