Lokali

Hollande josserva r-rikkezzi tal-Belt bejn impenn u ieħor

Il-President Franċiż, Francois Hollande, li telaq lura pajjiżu wara s-summit, ilbieraħ kellu żewġ appuntamenti ‘l bogħod mill-għajnejn tal-fotografi u l-pubbliku. Hollande żar żewġ postijiet fil-Belt li għandhom rabta mas-sentejn li matulhom il-Franċiżi mexxew pajjiżna… triq li kienet ingħatat l-isem Rue De ‘l Égalité – Triq l-Ugwaljanza u l-post fejn Napuljun qagħad meta żar Malta f’Ġunju 1798.

Lil hinn mill-impenji tas-summit informali f’Malta, Television Malta jinsab infurmat li l-President Franċiż, Francois Hollande, wera x-xewqa jagħmel passiġġata l-Belt biex japprezza l-monumenti storiċi fil-kapitali, fosthom dawk li jappartjenu l-imgħoddi f’relazzjoni ma’ pajjiżu.

Flimkien mal-ambaxxatriċi ta’ Franza għal Malta, Beatrice le Fraper du Hellen, l-istoriċista Dr Charles Xuereb akkumpanja lill-President Hollande tul Triq ir-Repubblika.

Il-President Franċiż ittieħed lejn Triq it-Teżorriera biex jara plakka li twaħħlet din il-ġimgħa stess biex tfakkar il-ftit ittri minn Strada Dell Egualianza, bil-Franċiż Rue De ‘l Égalité, l-unika isem ta’ triq li fadal minn żmien il-Franċiżi ma’ kolonna qrib il-Palazz tal-Gran Mastru. Dr Xuereb spjega li din kienet inkitbet bit-Taljan għax dak iż-żmien kienet lingwa mitħaddta sew.

Dr Charles Xuereb qal, “Meta naddfu l-Palazz, il-kolonni u l-arkati, mingħajr ma missewha għax qagħdu attenti ħafna,it-trabijiet li waqgħu fil-ħġieġa ta’ warajha komplew kielu… Niftakarni niġi l-Belt 20, 30 sena ilu, kienet kważi tinqara kollha; jiġifieri salvajnieha ftit tard; iżda salvajnieha.”

Waqt li kien miexi tul Triq ir-Repubblika, il-President Hollande deher josserva l-arkitettura tal-Belt u waqaf ikellem u jieħu ritratti mal-pubbliku.

“Impressjonawni jgħajtulu u kull darba beda jieqaf jeħdilhom b’idejhom. Staqsiehom minn fejn huma – minn Strasburgu, minn Nizza, minn Pariġi – il-biċċa l-kbira kienu turisti u qalli ma kontx naf li Malta qed tattira daqshekk turisti Franċiżi,” sostna Dr Xuereb.

Dr Xuereb semma li l-President żar ukoll Palazzo Parisio li jilqa’ l-Ministeru tal-Affarjiet Barranin. Hu daħal fl-uffiċċju li llum jintuża mill-Ministru George Vella u li lura għal Ġunju tal-1798 serva bħala l-post fejn qagħad il-Ġeneral Napuljun Bonaparte u minn fejn ħareġ għexieren ta’ ordnijiet tul il-ġimgħa li qatta’ f’dan il-Palazz.