Lokali

Ħu Eleanor Walker jgħid li l-akkużat bil-qtil tagħha kien ibigħ id-droga

Il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Andrew Mangion, akkużat bil-qtil ta’ martu Eleanor Walker, issoktat bix-xhieda ta’ Jack Walker, ħu l-vittma.

Fix-xhieda tiegħu Walker qal li Mangion kien imexxi d-droga. Spjega li hu kien ilu madwar 14-il sena jaħdem f’post tad-divertiment, u li Mangion kien jgħidlu biex jirreferilu n-nies biex jixtru d-droga mingħandu.

Qal li kien jgħix fl-istess sular f’blokka appartamenti ma’ Mangion, u lil dan tal-aħħar kienu jiġu jħabbtulu diversi persuni. Qal li meta Mangion ma kinx ikun id-dar kienu jiġu jħabbtu lilu, u kienu jistaqsuh jistax jaqdihom hu.

Walker ammetta li huwa kien jabbuża mid-droga, iżda saħaq li kien biss utent u mhux bejjiegħ, u li kien temm programm tal-Caritas b’suċċess.

Xehed ukoll l-espert forensiku Joseph Mallia, li qal li biċċa karta mċappsa bid-demm li kienet instabet fuq il-vittma kienet taqbel perfettament ma’ notebook li nstab fil-garaxx ta’ Mangion fis-Swieqi.

Eleanor Walker, ta’ 33 sena, kienet instabet mejta f’maħżen f’Ħal Qormi f’Lulju tas-sena l-oħra.