Lokali

Iġġiegħlu jħallas b’€2,000 dawl li seraq b’arloġġ imbagħbas

John Camenzuli ta’ 65 sena minn Ħal Għaxaq ġie kkundannat 16-il xahar ħabs sospiżi għal sentejn u mġiegħel iħallas b’aktar minn €2,000 f’dawl li nqabad jisraq b’meter imbagħbas.

Il-każ seħħ fi Frar ta’ 11-il sena ilu meta ħaddiem tal-Enemalta mar fir-residenza tas-Sur Camenzuli biex jibdillu l-arloġġ tad-dawl u sab ma’ wiċċu wire misluħ u li minnu kien qed jittieħed id-dawl minn qabel il-meter.

Meta ra hekk huwa waqaf u ċempel lil ta’ fuqu u fil-preżena tiegħu kompla jżarma l-meter l-antik u ħadu ritratti tiegħu. Fil-Qorti l-uffiċjali xehdu li meta kienu qed iżarmaw l-arloġġ, intebħu li xi ħadd kien daħħal wire fis-service box minn qabel l-arloġġ. Spjega li l-wire misluħ, li minnu kien qed jittieħed l-elettriku, kellu r-ramm ileqq li jfisser li kien jintuża ta’ spiss għax li kieku kien jiħdar.

Stima li tħejjiet minn uffiċjal tal-Enemalta għall-konsum mhux irreġistrat għall-aħħar ħames snin kienet tammonta għal €2,022.53

Fil-qorti rriżulta wkoll li ftit snin wara dan il-każ, l-akkużat reġa’ nqabad ibagħbas fil-meter il-ġdid.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Doreen Clarke qalet li ma tara li hemm l-ebda raġuni biex tiddubita minn dak li xehdu l-ħaddiema tal-Enemalta anke permezz ta’ ritratti li ħadu dakinhar li marru biex jibdlu l-arloġġ.

Il-qorti nnotat li fix-xhieda tiegħu l-akkużat ma ċaħadx li kien hemm wire mibrux iżda qal li ma kienx jaf bih. Il-qorti sostniet li dan mhux biżżejjed biex teżonerah minn responsabbiltà penali u kkundannata 16-il xahar ħabs sospiżi għal sentejn u ordnatlu biex fi żmien sitt xhur iħallas €2,022,53ċ lill-Enemalta.