Lokali

Il-Bank Pilatus jiddikjara li qatt ma kellu dokumenti li jappartjenu għall-familja Muscat

Il-Pilatus Bank fi stqarrija laqa’ l-inkjesta Maġisterjali u l-investigazzjoni tal-Pulizija għax qal li din se tiddetermina l-fatti u xxejjen diversi qlajjiet li ntqalu kemm fil-media u fi blogs fl-aħħar jiem.

Il-Bank Pilatus iddikjara li l-kumpanija msemmija Hearnville, Tillgate u Egrant la għandu u lanqas qatt kellhom kontijiet miegħu u qatt ma kellu konnessjoni magħhom. Żied jgħid li ma saru ebda pagamenti lil dawn il-kumpaniji permezz tal-Pilatus Bank. Ċaħad ukoll li l-Bank qatt kellu dokumenti li jappartjenu lil Prim Ministru, lil martu jew membri tal-familja tiegħu.

Iddikjara wkoll li membri tal-familja Muscat qatt ma kienu klijenti tiegħu. Fl-istqarrija tiegħu, il-Pilatus Bank wieġeb għall-ispekulazzjoni u dak li sejjaħ allegazzjonijiet infondati li xxandru lbieraħ filgħaxija. Qal li ċ-Chairman tiegħu wasal Malta lbieraħ filgħaxija minn Washington għal laqgħa tal-bord tal-Bank u filmati tac-CCTV juruh dieħel u ħiereġ bl-istess bagalji li kien qed jivvjaġġa bihom. Il-Pilatus Bank qal li hija biss fabrikazzjoni l-allegazzjoni li xi dokumenti tneħħew mill-bank. Il-Pilatus Bank wiegħed il-koperazzjoni tiegħu fl-investigazzjoni u fl-inkjesta biex qal toħroġ il-verità kollha.

Intant il-kumpanija intermedjarja Nexia BT ukoll laqgħet l-investigazzjoni li bdiet. Qalet li din se tikkonferma li l-kumpanija Egrant kienet shelf company tagħha, Żied jgħid li l-benefiċċjarju ta’ Egrant dejjem kien Brian Tonna tan-Nexia BT u din qatt ma kellha kont bankarju. Nexia Bt wegħdet ukoll il-koperazzjoni sħiħa tagħha fl-investigazzjoni waqt li qal tkompli taqdi d-dmir tagħha skont il-liġi u l-istandards etiċi kif għamlet tul il-25 sena li ilha mwaqqfa.