Lokali

Il-bdiewa jingħataw taħriġ prattiku dwar kif isaqqu l-uċuħ tar-raba’

B’inizjattiva tal-MCAST, għadd ta’ bdiewa qed jingħataw taħriġ prattiku minn esperti dwar kif l-aħjar jagħmlu t-tisqija tal-uċuħ tar-raba’ tagħhom biex jieħdu l-aqwa riżultati u jaħlu l-anqas ilma.

F’Sessjoni ta’ taħriġ għall-bdiewa f’Burmarrad, esperti mill-Università ta’ Cranfield fir-Renju Unit u mill-Università ta’ Catalunya fi Spanja semgħu l-problemi tal-bdiewa fost oħrajn bl-iskarsezza tal-ilma u bil-kwalità mhux daqstant tajba tal-ilma tal-pjan li qed jaffettwa l-prodotti tar-raba’.

Gerald Vella, f’isem organizzazzjoni li tiġbor fi ħdanha l-bdiewa qal li meta ma tagħmilx xita biżżejjed, tonqos il-produzzjoni ta’ diversi prodotti. Ilmenta wkoll li l-effetti tal-bidla fil-klima bdiet tolqot ukoll il-bdiewa.

Gerald Vella minn Producer Organisations qal, “Il-problemi huma diversi. Nistgħu ngħidu li l-akbar problema hija t-tibdil fil-klima li qed tagħmel differenza. Naċċettawha u rridu naħdmu fuqha. Irridu naħdmu iżjed biex naraw il-konsum speċjalment tal-ilma tal-pjan f’liema strutturi irid imur.”

L-esperti li nġiebu Malta mill-MCAST spjega prattiċi ġodda ta’ tisqija li għandhom jintużaw f’dawn iċ-ċirkustanzi addatati għal klima Maltija. Malcolm Borg, l-Aġent Direttur tal-Istitut tax-Xjenza Applikata fi ħdan l-MCAST, qal li din l-inzijattiva għandha l-għan li tagħti lil bdiewa t-teknoloġija biex jibqgħu jaħdmu r-raba’.

Huwa qal, “Inutli nikkundannaw lill-bdiewa, inutli nippenelizzaw lill-bdiewa imma għandna intuhom alternattivi u soluzzjonijiet kif jistgħu jagħmlu użu aħjar mill-ilma li għandhom.”

Is-Sur Borg qal li bi prattiċi ġodda fix-xogħol tar-raba’, il-bdiewa jistgħu jnaqqsu l-ispejjeż u jkunu kompettivi.