Elezzjoni ĠeneraliLokalimalta

Il-Kap tal-PN jgħid li saret kwerela biex jiġi investigat minn għaddielu l-informazzjoni

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil qal li ftit sigħat wara li mar il-Qorti jippreżenta l-provi lill-Maġistrat Aaron Bugeja dwar l-allegat każ ta’ ħasil ta’ flus minn Keith Schembri lil Adrian Hillman, il-Prim Ministru Joseph Muscat mhux talli ma ħax passi biex ineħħi lil Keith Schembri, talli saret kwerela lill-Maġistrat tal-Għassa biex jinvestiga lil min b’sogru u kuraġġ għaddielu l-provi u d-dokumenti dwar il-pagamenti mhux ġustifikati ta’ €650,000 li s-Sur Schembri għadda lis-Sur Hillman bejn l-2011 u l-2015.

F’attività politika fl-Imġarr, Dr Busuttil qal li din hi aħbar xokkanti ħafna u jeħtieġ niġġieldulha bil-vot tagħna fit-3 ta’ Ġunju li ġej għax tfisser li flok tittieħed azzjoni kontra l-kriminal qed jittieħdu passi kontra min jikxef il-kriminalità.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li hu mhux se jibża’ mill-intimidazzjoni tal-Prim Ministru u se jibqa’ jipproteġi u jiddefendi lil kull min jgħaddilu informazzjoni dwar allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni. Appella lil kull min għandu xi informazzjoni biex ma jibżax u jersaq ‘l quddiem għax hu se jagħti vuċi lill-poplu u biex jirbaħ is-sewwa.

Dr Busuttil qal li l-pagamenti miċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru ġew ġustifikati li saru bħala ħlas għal servizzi editorjali li s-Sur Hillman ta lis-Sur Schembri. Il-Kap Nazzjonalista staqsa jekk Keith Schembri kienx qed jipprova jixtri lil xi ħadd qabel u wara l-aħħar elezzjoni ġenerali.

Il-Kap Nazzjonalista qal li dak li seħħ qed jagħmel ħsara kbira lill-pajjina u ħmistax oħra se jkunu qed isiru żewġ għażliet, waħda bil-vot tagħna u l-oħra minn investituti barranin fil-boardrooms tagħhom li se jaraw jekk Malta hux se tibqa’ titmexxa minn Gvern korrott jew le.

Ara wkoll: Il-PL jiċħad li l-Prim Ministru jew Keith Schembri għamlu kwerela kontra min għadda l-informazzjoni http://www.tvm.com.mt/mt/news/il-pl-jichad-li-l-pm-jew-schembri-ghamlu-kwerela-kontra-min-ghadda-l-informazzjoni/