Lokali

Il-Kap tal-PN jressaq il-provi fl-allegat każ ta’ ħasil ta’ flus

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil ippreżenta fil-Qorti tmien ‘box files’ lill-Maġistrat Aaron Bugeja.

F’kummenti lill-ġurnalisti, Dr Busuttil qal li dawn huma mimlija provi fl-allegat każ ta’ ħasil ta’ flus li fih hemm involuti ċ-Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Keith Schembri u l-ex Direttur Maniġerjali ta’ Allied Group, Adrian Hillman.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil daħal il-Qorti akkumpanjat minn uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista li tnejn minnhom kellhom tmien ‘box files’. Wara sagħtejn fil-bini tal-Qorti, Dr Busuttil qal lill-ġurnalisti li l-Maġistrat Aaron Bugeja li qed imexxi l-inkjesta fil-każ Egrant, laqa’ l-provi li ppreżentalu dwar l-allegat każ ta’ ħasil ta’ flus ta’ madwar €650,000 li fih hemm involuti Keith Schembri u Adrian Hillman.

“Jien ippreżentajt il-provi ddettaljati ta’ kull tranżazzjoni li saret illi oriġinat mingħand Keith Schembri jew inkella mingħand kumpaniji jew accounts ta’ Keith Schembri u li spiċċaw għand Adrian Hillman jew il-kumpanija tiegħu Leicester Group Holdings,” qal Dr Busuttil.

Dr Busuttil qal li jinsab sodisfatt li l-Maġistrat Bugeja laqa’ l-provi li ppreżentalu u għandu fiduċja li se jiflihom bir-reqqa u jasal għall-konklużjoni li huwa se jirrispetta. Qal li skont Brian Tonna, il-pagamenti saru għal servizzi ta’ konsulenza editorjali u ta’ pubblikazzjoni li s-Sur Hillman ta lis-Sur Schembri. Dr Busuttil qal li din hi dikjarazzjoni li tqajjem ħafna mistoqsijiet u li turi kif l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni bdew minn qabel daħlu Kastilja u komplew wara.

Il-Kap Nazzjonalista argumenta li m’huwiex normali li Kap tal-Oppożizzjoni kellu jmur personalment il-Qorti jippreżenta l-provi flok ikunu l-Kummissarju tal-Pulizija jew l-Avukat Ġenerali li kienu jafu b’dan kollu u ma ħadu l-ebda azzjoni.

Dr Busuttil qal li hu jħoss li l-provi li rċieva kellu jippreżentahom lill-Qorti iżda argumenta li jekk il-Prim Ministru jibqa’ jisfidah biex jippublikahom, mhux se jaħsibha darbtejn u jippublikahom.

Dwar il-kumpanija Egrant, Dr Busuttil qal li m’għandux dubju li din hija tal-Prim Ministru u ma jistax jara li l-Maġistrat Bugeja ma jsibx biżżejjed provi biex il-każ ikompli jiġi investigat ġa la darba hemm whistleblower li rat id-dokumenti fis-safe tal-bank Pilatus u hemm rapport tal-aġenzija kontra l-ħasil tal-flus, FIAU li sabet bosta nuqqasijiet fil-mod kif jaħdem l-istess bank.