Lokali

Il-komunità Ġużeppina tiċċelebra l-festa ta’ San Ġużepp fir-Rabat

Id-19 ta’ Marzu tfisser iċ-ċelebrazzjoni ta’ festa b’għeruq antiki… il-festa lil San Ġużepp iċċelebrata mill-komunità Ġużeppina fir-Rabat. Din il-festa tiġi ċċelebrata f’nharha u għandha l-ingredjenti kollha ta’ festa tradizzjonali Maltija. Mijiet marru r-Rabat igawdu din il-festa, b’mod partikolari għall-marċ tradizzjonali tas-siegħa.

Festa f’temp sabiħ f’tarf ix-xitwa ġibdet lejn it-toroq dojoq tal-parti l-antika tar-Rabat mijiet ta’ persuni biex jiċċelebraw il-festa ta’ San Ġużepp.

Il-familji minn fejn jgħaddi l-marċ mill-Banda L’Isle Adam iżommu mat-tradizzjoni li jiftħu beraħ il-bibien tad-djar u jilqgħu lil kulħadd – Maltin u turisti – għal grokk, xarba friska u xi ħaġa tajba tal-ikel f’atmosfera brijuża.

“Ilna nagħmluha minn dejjem. Aħna hawnhekk ir-Rabtin magħrufin li nidħlu fid-djar. Dawn kollha ħbieb jaħdmu għall-festa, ta’ ġewwa u ta’ barra. Kulħadd jaħdem għall-festa tal-lum”, qalet Maria Muscat.

“Isservi ferħ, isservi amiċizzja. Hawn mhawnx għax dak u għax l-ieħor, min jidħol merħba bih”, qalet Josephine Schembri.

Iż-żgħażagħ kuntenti bil-briju li organizzaw u bil-parteċipazzjoni tan-nies.

“Nieħdu gost naraw ħafna nies min-naħa t’isfel jitilgħu r-Rabat għax qaluli li kien hawn kull m’hawn ippakkjat bil-karozzi u li jiġu jgawdu din il-festa dinjituża tant għażiża għalina.”

Fiċ-ċentru tal-festa tibqa’ l-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesu’, tal-Patrijiet Franġiskani, imżejna b’diversi opri artistiċi, imlibbsa d-damask u l-isbaħ armar. Il-pubbliku seta’ jammira r-riżultat ta’ sentejn xogħol ta’ żebgħa u restawr li sar fuq ġewwa.

“Saret żebgħa ġdida, tikħil ġdid, u r-restawr tal-induratura kif ukoll saret induratura mill-ġdid b’folja deheb ta’ 23.5 karat. L-akbar sfida li kien hemm pero’ kien fejn tlaqqa’ d-deheb ġdid ma’ dak qadim. L-ewwel tnaddfet l-induratura l-qadima kollha u saret induratura ġdida. Imbagħad ridna nqabblu l-folja tal-induratura tad-deheb il-ġdid ma’ dak qadim biex b’hekk qed naraw ir-riżultat li għandna llum”, qal l-induratur Arthur Vassallo.

Il-quddiesa solenni ta’ jum il-festa tmexxiet mill-Arċisqof Monsinjur Charles J. Scicluna.