KurżitajietLokali

Il-krema tal-mużiċisti tal-Jazz f’Malta għall-festival annwali

Bdiet il-ġimgħa dedikata lill-Jazz. Is-sebgħa u għoxrin edizzjoni tal-festival tal-jazz se jġib f’Malta l-krema tal-mużiċisti tal-jazz lokali u barranin.

Għall-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Festival Malti tal-Jazz se jieħdu sehem uħud mill-aħjar mużiċisti tal-mument, bħall-kitarrist u kompożitur Amerikan Al di Meola; Mark Giuliana li huwa d-drummer ta’ David Bowie; ir-rebbieħ ta’ Oscar, Antonio Sanchez, li kkompona l-mużika tal-film Birdman; u Nicholas Payton li huwa rebbieħ ta’ Grammy Award. Huma se jkunu qed idoqqu fil-kunċerti li se jittellgħu bejn il-Ħamis u s-Sibt filgħaxija f’Ta’ Liesse, il-post li sar sinonimu ma’ dan l-avveniment annwali.

Sandro Zerafa, li ilu għal dawn l-aħħar 9 snin Direttur Artistiku tal-Festival, spjega li mas-snin dan l-avveniment kiseb reputazzjoni tajba madwar id-dinja. “Ġie vvutat fuq ir-rivista Clash, li huwa ta’ ċertu reputazzjoni, bħala wieħed mill-aħjar 5 Jazz Festivals tad-dinja. Kien ivvutat mir-rivista The Culture Trip bħala wieħed mill-aħjar 50 music festivals tad-dinja, li jinkludu festivals bħall-Karnival ta’ Rio de Janeiro u l-Festival ta’ Glastonbury, jiġifieri qed jikber il-festival.”

Ic-Chairman tal-Kunsill Malti tal-Arti, Albert Marshall, qal li minbarra l-kunċerti f’Ta’ Liesse, matul din il-ġimgħa qed jittellgħu sensiela t’attivitajiet magħrufa bħala Jazz on the Fringe bil-għan li l-festival jattira lejh iktar udjenzi.

“Noħolqu attivitajiet ukoll fit-toroq tal-Belt li din hija attività importanti biex dak li jkun b’mod aċċidentali jiltaqa’ wiċċ’imb wiċċ mal-espressjoni tal-mużika jazz u jħobbha jew jobgħodha jismagħha,” qal Marshall. “X’aktarx meta jismagħha jsir kurjuż u eventwalment nittama li mas-snin did-drawwa twassal biex l-udjenza li tiġi Ta’ Liesse biex tisma’ l-avveniment ewlieni tikber u titkattar.”

Il-Ministru għall-Kultura, Owen Bonnici, qal li l-attivitajiet fit-toroq tal-Belt jagħmlu lill-kultura aktar aċċessibbli għan-nies, filwaqt li qal din hija opportunità għall-mużiċisti Maltin biex jiksbu esperjenza ma’ artisti stabbiliti barranin, u fl-istess ħin il-kultura ma tibqax titqies bħala passatemp, imma karriera għall-Maltin li jixtiequ jaħdmu f’dan il-qasam.