Lokali

Il-KE tapprova l-proġett kollu tal-power station – il-Ministru Mizzi jilqa’ d-deċiżjoni

konradmizzzi

Il-Kummissjoni Ewropea approvat il-proġett kollu tal-power station il-ġdida f’Delimara u l-ftehim ta’ 18-il sena ffirmat bejn il-Gvern u l-Electrogas għax-xiri tal-elettriku mingħand din il-kumpanija. Fid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni Ewropea ddikjarat li l-finanzjament tal-proġett hu skont ir-regoli stretti tal-Unjoni Ewropea dwar għajnuna mill-istat u li l-ħlas lill-Electrogas hu ġust u simili għal dak fi proġetti oħra tax-xorta.  Il-Ministru Konrad Mizzi laqa’ d-deċiżjoni u qal li fil-ġimgħat li ġejjin se jiġu ppubblikati l-kuntratti mal-Electrogas.

Il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat id-deċiżjoni favorevoli tagħha għall-proġett kollu tal-power station il-ġdida tal-gass f’Delimara wara xhur li matulhom eżaminat l-aspetti kollha tal-proġett. Dawn kienu jinkludu l-ħtieġa tiegħu għal Malta u l-proċess kompetittiv ta’ xiri li wassal biex intgħażlet il-kumpanija Electrogas biex tiżviluppa impjant u mingħandha l-Enemalta tixtri l-elettriku ġġenerat bil-gass naturali. Il-Kummissjoni Ewropea kkonkludiet li l-pjani ta’ Malta għal ħlas lill-Electrogas huma konformi mar-regoli tal-Unjoni Ewropea dwar l-għajnuna mill-istat.

Il-Ministru Konrad Mizzi wera sodisfazzjon li l-Kummissjoni Ewropea approvat l-aspetti kollha tal-proġett wara skrutinju tad-dokumenti u l-kuntratti kollha.

“Approvat il-pakkett kollu: il-power purchase agreement biex nixtru d-dawl, il-gass supply agreement, l-implimentation agreement, is-security of supply agreement u l-kuntratti kollha relatati ma’ dan kollu.  Tajjeb ngħid ukoll li b’sodisfazzjon il-Kummissjoni faħħret il-proġett għall-objectives tiegħu: li jgħin lill-ambjent, li jipprovdi lil Malta b’security of supply u ħarset ukoll lejn aspetti kummerċjali”, qal il-Ministru Konrad Mizzi.

Mal-Kummissjoni Ewropea, il-Gvern spjega li l-proġett raħħas il-prezzijiet tal-elettriku u se tkun tista’ tiżżarma l-power station tal-Marsa u l-ewwel impjant tal-elettriku f’Delimara. Il-kummissjoni spjegat fi stqarrija li l-kumpanija Electrogas li ntgħażlet wara offerta kompetittiva mill-Enemalta għandha obbligu ta’ servizz pubbliku li tipprovdi l-elettriku u l-gass lill-Enemalta għal 18-il sena. Il-Ministru Mizzi qal li l-gvern hu sodisfatt li l-kummissjoni approvat il-finanzjament tal-proġett, il-ħlas mill-Enemalta u kemm se taqla’ flus l-Electrogas.

“Il-Kummissjoni kkonkludiet li r-rate of return li se jagħmel l-Electorgas, bir-riskju li ħadu, hu a fair rate of return similari għal proġetti oħra fl-Ewropa u li l-operator mhux qed jiġi over compensated, jiġifieri qed jitħallas in a fair manner”, qal Dr Mizzi.

Wara dan l-iżvilupp, Television Malta staqsa lill-Ministru Mizzi x’qed iżomm milli jiġu ppubblikati l-kuntratti mal-Electrogas.

“Fi ftit ġimgħat oħra, inkunu qegħdin f’pożizzjoni li nippubblikaw il-kuntratti li għandhom x’jaqsmu mal-gas to power”, qal Dr Mizzi.

Fid-deċiżjoni, il-Kummissjoni Ewropea rreferiet għal regoli tagħha li jawtorizzaw stat membru li taħt ċerti kundizzjonijiet jikkumpensaw kumpaniji li jipprovdu servizz pubbliku għal spejjeż żejda biex jipprovdu dawn is-servizzi.  F’dan l-isfond il-Kummissjoni qalet li s-suq tal-enerġija f’Malta jopera f’ċirkustanzi partikulari ta’ ċokon u iżolament.