Lokali

Il-Ministeru: mhux se jkun hemm tibdil fin-numru ta’ lezzjonijiet tal-Ingliż

Il-Ministeru tal-Edukazzjoni qal li mhux se jkun hemm tibdil fin-numru ta’ lezzjonijiet jew fil-ħin iddedikat għas-suġġett tal-Ingliż fl-iskejjel. Dan b’reazzjoni għal rapport li ħareġ dalgħodu fil-gazzetta Times of Malta u li fih ġie rrapportat li se jitnaqqsu n-numru ta’ lezzjonijiet tal-Ingliż għal studenti tar-raba’ sena sekondarja.

Il-Ministeru qal fi stqarrija li l-importanza tal-lingwa Ingliża fl-iskejjel se tkun qed tissaħħaħ u mhux tonqos, fost oħrajn permezz ta’ investiment f’taħriġ għall-għalliema tal-Ingliż bi ftehim ma’ Cambridge English, bil-għan li l-istudenti jkomplu jirċievu tagħlim ta’ kwalità dejjem aħjar f’dan is-suġġett.