Lokali

Il-Parlament isellem lill-ex ministru u xandar Joe Grima

joe_grima

Il-Parlament fakkar il-memorja tal-ex ministru Joe Grima li miet ftit tal-ġranet ilu.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat sejjaħ lil Joe Grima bħala gentlom li kellu kwalitajiet ta’ komunikazzjoni kbar kemm bħala politiku u kemm bħala xandar.

Il-Prim Ministru qal li Joe Grima kien ukoll bnidem kontroversjali u ma kienx jiddejjaq jgħid kif jaħsibha waqt li jżomm l-ideali tiegħu fil-għoli.

Dr Muscat fakkar fil-ħidma ta’ Joe Grima bħala Ministru fejn irreklama lil Malta kemm felaħ fi swieq barranin biex jiżdiedu t-turisti lejn Malta fi żmien meta ma kienx hemm is-servizz tal-internet.

Il-Prim Ministru ta l-kondoljanzi lill-qraba ta’ Joe Grima kemm fuq livell personali, bħala Prim Ministru u bħala mexxej tal-Partit Laburista.

F’isem l-Oppożizzjoni tkellem id-deputat kap Mario de Marco li fakkar kif Joe Grima kien jitkellem fuq bost kwistjonijiet fosthom il-Mediterran, ir-relazzjonijiet mal-Libja u dak li kien jolqot lill-ħaddiema.

L-avukat Demarco sellem lil Joe Grima għax kien jgħid l-affarijiet kif kien iħosshom u żied jgħid li fit-tħaddim tal-prinċipji soċjal-demokratiċi tiegħu ma qabilx mat-tmexxija Laburista u ried isieħeb lil Malta fl-Unjoni Ewropea. Huwa ta l-kondoljanzi f’isem l-Oppożizzjoni.

L-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia esprima wkoll il-kondoljanzi u fakkar fil-laqgħat li kien ikollu ma’ Joe Grima anki bħala Speaker. Huwa fakkar kif l-ex Prim Ministeru Dom Mintoff kien bagħtu bħala mibgħut speċjali tiegħu fl-artijiet tal-Lvant Nofsani.