Lokali

Il-PL jgħid li r-reazzjoni ta’ Busuttil hija ta’ xi ħadd li wara li ma leħaqx l-għeneb qal li hu qares

partit_Laburista

Il-Partit Laburista ddeskriva r-reazzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni bħala waħda ta’ rabja għax ma laħaqx l-għeneb u għalhekk spiċċa jattakka lill-kummissjoni Ewropea għax iddeċidiet dak li ma riedx jisma’ hu. Il-Partit Laburista qal li bid-deċiżjoni tal-kummissjoni, Dr Busuttil ma fadallux argument wieħed x’jagħmel u qed ikompla juri negattiva tiegħu għax ma jridx jara s-suċċess li qed jagħmel il-pajjiż.

Il-PL qal fi stqarrija li huwa ċar li hemm fiduċja sħiħa kemm mill-poplu li jaf li se jibqa’ jħallas kontijiet irħas u jkollu arja aktar nadifa u anki mill-Kummissjoni Ewropea, tant li l-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, li huwa wkoll responsabbli mis-settur tal-enerġija, Marcos Sefcovic sejjaħ dan il-proġett bħala eżempju għal pajjiżi oħra. Minkejja dan iżda, il-PL qal il-Kap tal-Oppożizzjoni ma jiflaħx jara l-pajjiżna jagħmel suċċess għax jinsab mgħerreq fin-negattività.