Lokali

Il-PM b’messaġġ biex jiġu indirizzati l-mistoqsijiet li jistaqsu n-nies fi djarhom

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li tul dawn is-sitt xhur tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Malta għandha opportunità biex tibgħat messaġġ ċar li n-nies jitpoġġew fiċ-ċentru tal-ħidma u li l-Ewropa terġa’ tingħaqad man-nies.

Fiċ-ċerimonja li kienet tinkludi spettaklu mżewwaq bil-mużika u ż-żfin ispirat mill-isfida tal-immigrazzjoni, il-Prim Ministru qal li l-proġett Ewropew jibqa’ ħaj u jegħleb il-populiżmu jekk l-Ewropa terġa’ tibda tisma’ l-mistoqsijiet ġenwini tan-nies. Qal li l-isfida tal-Presidenza hi li tibqa’ realistika b’għanijiet umli li toffri soluzzjonijiet żgħar għal problemi kbar.

Iċ-ċerimonja li formalment tat bidu għall-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kienet tinkludi s-sinfonija tal-mużika u s-sinkronizzar taż-żfin, li l-Prim Ministru Joseph Muscat qal li jittama jkunu sinjal ta’ Ewropa li tgħaddi mit-taqlib, iżda li fl-aħħar kollox jingħaqad biex jagħmel sens.

Fil-fatt id-diskors tiegħu kien ispirat mill-isfidi li għandha quddiemha l-Ewropa bħalissa – mill-populiżmu u t-terroriżmu għall-immigrazzjoni u Brexit – li fi kliemu Malta u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għandhom sfida kbira li jindirizzaw billi jkunu realistiċi u kapaċi jsibu soluzzjonijiet żgħar għal problemi akbar.

“F’dawn is-sitt xhur għandna diversi opportunitajiet biex nagħtu sinjali ċari. Is-Summit ta’ Malta fi Frar u t-tfakkira tat-Trattat ta’ Ruma f’Marzu se jkunu opportunità biex nibagħtu messaġġ ċar li qed inpoġġu n-nies fiċ-ċentru tal-ħidma tagħha u li qed nerġgħu ningħaqdu man-nies. Reunion trid tkun sforz fejn aħna li qegħdin f’pożizzjoni li nieħdu deċiżjonijiet, ningħaqdu man-nies biex nerġgħu nibdew inwieġbu l-mistoqsijiet tagħhom b’mod li jagħmel sens u ma nħallux lil ħaddieħor iressaq il-mistoqsijiet tan-nies u jipprova jweġibhom b’mod populist li jista’ joqtol l-Ewropa bħala proġett politiku, ekonomiku u soċjali.”

Dr Muscat wera t-tama li sitt xhur oħra jkunu ntlaħqu l-għanijiet umli ta’ Malta u tal-anqas bdew jiġu indirizzati l-mistoqsijiet li jistaqsu n-nies fi djarhom. Qal li jekk jirnexxi dan, ikun inbeda proġett li mhux se jintemm matul din il-Presidenza jew ta’ warajha, iżda li jibqa’ jevolvi biex xi darba jibqa’ mfakkar bħala tappa oħra ta’ Ewropa magħquda li esperjenzat żminijiet tajbin u anqas tajbin. Qal li hu minnu li l-Ewropa għaddiet mill-kriżijiet, iżda t-tajjeb li nkiseb tul dawn l-aħħar sittin sena hu ħafna akbar mill-kriżijiet li għaddiet minnhom l-Ewropa.

Performance (including inaugural speeches) to mark the beginning of the 2017 Maltese Presidency of the Council of the EU

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean Claude Juncker qal li l-imgħoddi għani ta’ Dar il-Mediterran anki bħala sptar militari hu xhieda ta’ sehem Malta fl-istorja kulturali u politika tal-Ewropa. Waqt li qal li jinsab ħerqan jerġa’ jirritorna l-Belt s-sena d-dieħla meta l-Kapitali ta’ Malta tibda tassumi l-mandat bħala l-Kapitali Ewropea tal-Kulturali, Jean Claude Juncker qal li jinsab konvint li bħal Presidenzi oħra jittama li l-Presidenza Maltija tibgħat messaġġ ta’ għaqda u tama.

Il-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk qal li l-Ewropa tinsab ixxurtjata li l-Presidenza Maltija nzertat fi żmien li matulu l-Unjoni se tiċċelebra s-sittin sena mit-trattat ta’ Ruma li ta bidu formali għall-proġett Ewropew, il-bidu tad-divorzju minn mar-Renju Unit u summit importanti dwar l-immigrazzjoni. Qal li Malta għandha l-kompetenza u l-ħiliet kollha biex tmexxi quddiem dawn l-isfidi.

4

Donald Tusk qal, “We are indeed, few have better understanding of the Italians and of the British nightmares, migration in the Mediterranean.”

Donald Tusk qal li Malta hi simbolu tal-identità kulturali tal-Ewropa u simbolu ta’ ankra li l-Ewropa tant għandha bżonn bħalissa.

Tkellmu wkoll id-Deputat Prim Ministru Louis Grech u s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Presidenza, Ian Borg, waqt li segwa spettaklu ispirat mill-Mediterran u l-immigrazzjoni.