Elezzjoni ĠeneraliLokalimalta

Il-PM: il-manifest elettorali se jġib qabża kbira fil-kwalità tal-ħajja tan-nies

Waqt li ġie varat il-manifest elettorali tal-Partit Laburista fil-Konferenza Ġenerali straordinarja Laburista, il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li Gvern li jmiss idaħħal mekkaniżmu fil-kostituzzjoni biex jekk politiku jew uffiċjal għoli pubbliku jonqos, dan jiġi sospiż, u li l-mekkaniżmu jiggwida kif din il-persuna tiġi ttrattata b’mod ġust.

Waqt li tlaqqgħet il-konferenza ġenerali straordinajra tal-Partit Laburista llejla, ġie varat il-manifest elettorali li l-Prim Ministru qal li kien hemm diżappunti fejn hu seta’ għamel aħjar għall-poplu fosthom il-governanza u li għalhekk, Gvern li jmiss se jdaħħal fil-kostitizzjoni, mekkaniżmu fejn politiku meta jidher li jonqos, jittieħdu passi fil-konfront tiegħu b’mod ġust.

“Ħa nneħħu minn idejn il-politiċi dak li kien f’idejna u meta politiku jonqos, kif persuna tiġi sospiża, jitmexxa proċess, tiġi ttrattata b’mod ġust, b’mod li jkun ppruvat, imma b’mod li jserraħ moħħ in-nies”, qal Dr Muscat.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Manifest Elettorali Laburista se jġib qabża kbira fil-kwalità tal-ħajja tan-nies, u li x-xogħol dwaru beda erba’ snin ilu.

Waqt il-konferenza ġenerali straordinarja tal-Partit Laburista, Dr Muscat qal li jemmen li fil-leġiżlatura li għaddiet żera’ ħsieb pożittiv fil-poplu u li dan il-ħsieb mhux se jħassru qatt.

Qal li huwa l-iktar mweġġa’ fuq il-gidba li ntqalet fuqu u fuq familtu, iżda li xogħlu mhux li jifred lill-pajjiż, imma li jekk jingħata l-unur li jerġa’ jservi hu li jibqa’ jaħdem għall-għaqda nazzjonali. Qal li xogħlu li jgħaqqad lill-pajjiż biex jgħaqqad lil kull min iħobb lil pajjiżna, u nfaħħru lil pajjżna kull fejn inkunu għax għandna nkunu kburin b’pajjiżna.

Dr Muscat qal li l-prinċipji tal-manifest, tal-ġustizzja, soċjali, tal-ugwaljanza, huwa programm ambizzjuż, li jirrifletti triq għall-ħolma Maltija li se tinbena flimkien. Qal li din hija triq li bdiet erba’ snin ilu, triq li mhix faċli, imma jekk il-poplu jagħti l-fiduċja, din it-triq se tkompli tibdel lil pajjiżna, u prova li l-ġid ma jinħoloqx waħdu. Qal li dan kien l-iktar Gvern li ħoloq ġdid fi żmien tant qasir, bl-iktar Gvern Malti li qatt ġab xogħol fil-pajjiż. Qal li huwa kburi li mexxa l-iktar Gvern Malti li l-inqas kellu qgħad, u l-iktar Gvern li qatt ta xogħol lin-nisa f’kull żmien u li mexxa l-aktar Gvern li qatt ta xogħol lil persuni b’diżablità.

Qal li huwa kburi bit-testimonjanzi ta’ nies li tkellmu fil-konferenza ġenerali straordinarja fosthom persuna sseparata li minn stat ta’ faqar, illum hija sid ta’ negozju ta’ suċċess, persuna transesswali li minn tbatija llum ġiet rikonoxxuta bħala mara, u mara li grazzi għall-IVF illum saret omm.

Dr Muscat qal li ż-żgħażagħ jagħtuh l-enerġija biex jimxi ‘l quddiem u l-pjan juri li kull tifla u tifel, żagħżugħ u żgħażugħa jingħata ċ-ċans għal suċċess.

Il-manifest elettorali Laburista fih 18-il taqsima bi proposta mill-ekonomija, sa xogħol, edukazzjoni, saħħa, proposti fosthom biex it-tfal ikollhom iktar opportunitajiet li jsaħħu l-ħiliet tagħhom, fosthom tfal bl-awtiżmu, u għajnuna lil koppji separati u ddivorzjati. Propost pjan għal Għawdex u li ssir il-mina bejn Malta u Għawdex u pjani oħra favur il-ġustizzja soċjali u biex l-ekonomija tal-pajjiż tibqa’ ġġib aktar kwalità ta’ ħajja aħjar lill-poplu Malti u Għawdxi kollu.