Lokali

Il-PM jinawgura mafkar mibni minn partijiet li żżarmaw mill-impjant tal-Marsa

Fl-inawgurazzjoni ta’ stallazzjoni artistika ħdejn il-post li kien jilqa’ l-impjanti għall-ġenerazzjoni tal-elettriku fil-Marsa tard il-Ħamis filgħaxija, il-Prim Ministru tkellem dwar it-trasformazzjoni li għaddiet minnha l-Enemalta fl-aħħar erba’ snin.

Biswit is-sit fejn kien hemm il-Power Station tal-Marsa, ġie inawgurat mafkar li jfakkar 60 sena ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku fil-Marsa. Jikkommemora wkoll lill-ħaddiema li ħadmu fil-Power Station biex taw l-elettriku lill-pajjiż kollu.

Il-mafkar, li ġie inawgurat mill-Prim Ministru Joseph Muscat, inbena minn partijiet li żżarmaw mill-impjant stess, b’disinn li sar mill-istudenti tal-MCAST li żaru l-impjant tal-Marsa u għażlu l-oġġetti li setgħu jintużaw għal dan il-mafkar.

Il Prim Ministru Joseph Muscat qal li dan huwa simbolu ta’ problemi li jittrasformaw ruħhom f’opportunità, tifkira li l-kumpanija Enemalta minn mażra għall-pajjiż inbidlet f’mutur ekonomiku. Hu qal li l-għeluq tal-Power Station tal-Marsa ma tfissirx biss titjib fil-kwalità tal-arja iżda riġenerazzjoni ekonomika, soċjali u ambjentali. Huwa qal li jinsab impenjat li wara konsultazzjoni, dan is-sit ikun trasformat għall-benefiċċju tal-inħawi.

Iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Enemalta, l-Inġinier Fredrick Azzopardi qal li l-kumpanija naqqset is-serq tal-elettriku u l-ammont ta’ kontijiet mhux imħallsin b’iktar minn 50%. Irrefera għall-investiment t’aktar minn tmenin miljun ewro fis-sistema tad-distribuzzjoni li kkontribwixxiet għal tnaqqis ta’ 61% fil-qtugħ tad-dawl.

Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Konrad Mizzi qal li l-mafkar huwa simbolu ambjentali. Huwa qal li l-Enemalta mhix biss kumpanija li naqset it-tariffi b’25 fil-mija iżda li attirat investiment barrani.

Fl-attività kommemorattiva saret produzzjoni awdjoviżiva, wirjiet ta’ dwal u produzzjoni taż-żfin mill-istudenti tal-arti performattiva tal-Istitut għall-Arti Kreattiva.

Sadanittant, fil-Marsa tlesta r-raba’ ċentru ta’ distribuzzjoni fil-pajjiż, magħrufa bħala l-Marsa North, li huwa stmat li se jkollu kapaċità jipprovdi elettriku lil iktar minn 6,500 dar. Iċ-ċentru jifforma parti mill-investiment li qed isir mill-kumpanija biex tilqa’ għad-domanda għall-elettriku f’dawn l-inħawi.