Lokalimalta

Il-PM jipproponi sistema li tiggarantixxi dejjem LSA ma’ tfal b’diżabilità

Meta kien qed jindirizza attività politika fil-Qawra, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat qal li kuljum, il-moviment qed joħroġ bl-ideat ċari ta’ kif il-pajjiż se jimxi ‘l quddiem. Sostna li l-PL qed jitlob li jerġa’ jingħata l-fiduċja fuq prinċipji li fuqhom huma bbażati l-proposti.

Il-PM qal li huwa kburi bil-proposti li qed jagħmel jekk jiġi elett Gvern Laburista, mentri kkritika l-proposti tal-Partit Nazzjonalista li qal diġà qed isiru f’din il-leġislatura. Dr Muscat qal ukoll li l-PN qed jikkalkula ħażin il-proposti tiegħu u l-problema hija li dan mhux żball minn flusu imma żball minn flus il-poplu Malti u Għawdxi.

Wissa li jekk ikunu fil-Gvern, Simon Busuttil u Marlene Farrugia, tkun l-iktar koppja instabbli li qatt rat il-politika Maltija. Irrefera għax-xandira politika tal-bieraħ, u qal li Dr Farrugia tant bdiet tgħajjat u twerżaq li l-Awtorità tax-Xandir kellha twaqqaf id-dibattitu biex tikkalma. Qal li xtaq li ma ġiex iċċensurat dan il-filmat ħalli l-poplu Malti u Għawdxi jkun jista’ jiddeċiedi bejn Joseph Muscat, Edward Scicluna u Louis Grech meta jkun qed jitħejja l-budget jew lil Simon Busuttil u Marlene Farrugia li kieku lanqas ikunu jafu minn fejn se jibdew.

Qal li din hija sitwazzjoni realistika ħafna li tista’ tiġri. Dr Muscat appella lil dawk li ma jridux jivvutaw biex ma jħallux lil dawn it-tnejn min-nies jikkawżaw instabilità lill-pajjiż. Sostna li għall-kuntrarju Gvern Laburista jaf fejn irid jasal bi proposti serji li qed jippreżenta f’oqsma varji.

Dr Musucat qal li hu se jkun qed jieħu r-responsabilità tal-miżuri minn issa mhux wara l-elezzjoni. Irrefera għas-sensiela ta’ proposti konkreti ppreżentati dalgħodu mill-PL fuq il-qasam tal-persuni b’diżabilità fosthom sistema li tiggarantixxi dejjem LSA ma’ tfal b’diżabilità. Sostna li għal ħafna nies jitqiesu bħala zgħar imma tul dawn l-aħħar 4 snin it-tbatijiet iż-żgħar jagħmlu differenza fil-ħajja ta’ tant nies għax il-PL għandu kuxjenza soċjali u jrid li l-flus jintefqu għal min l-iktar għandu bżonn.

B’reazzjoni għall-proposti ta’ dalgħodu li għamel il-PN għall-income tax, Dr Muscat qal li dawn jolqtu 70,000 ruħ, mentri dak li qed jipproponi l-PL jolqtu 190,000 ruħ. Qal li l-PL ma jagħmilx distinzjoni bejn ħaddiema u self-employed għax hekk titlob il-ġustizzja soċjali.

Tenna li tkun xi tkun il-pożizzjoni tiegħu, huwa lest li jwarrab jekk jinstab xi ħaġa fil-konfront tiegħu, ta’ martu u tal-qraba tiegħu b’rabta mal-każ Egrant, mentri sfida lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex iwarrab jekk jinstab li din kienet gibda fuqu u fuq il-familja tiegħu.

Qal li dan il-moviment huwa l-uniku għażla biex ma jieqafx nofs triq imma jkompli jimxi ‘l quddiem. Qal li n-naħa l-oħra l-iktar koppja instabbli fil-politika ttellef l-investiment, jintilfu l-impjiegi u ġġib instabilità fil-pajjiż.
Dr Muscat appella lill-elettorat biex jagħti opportunità lill-Partit Laburista biex ikompli jwettaq il-ġid u l-prosperità fil-pajjiż għall-aqwa żmien tal-pajjiż.