Lokali

Il-PN iddiżappuntat bid-deċiżjoni tal-KE li tapprova l-power station il-ġdida

dar-centrali-pn

Il-Partit Nazzjonalista  wera diżappunt għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li approvat dak li l-oppożizzjoni sejħet Power Station korrotta. Il-partit nazzjonalista qal li deċiżjonijiet bħal dawn jagħtu daqqa ta’ ħarta għall-fiduċja fl-istituzzjonijiet Ewropej għax imorru kontra dak li jistennew in-nies. Qal li l-Unjoni Ewropea flok fehmet x’qed iħoss il-poplu Malti dwar il-korruzzjoni ddeċidiet favur min għandu kumpanija sigrieta fil-Panama.

Il-PN qal li Malta m’għandhiex bżonn power station ġdida għax diġa’ għandha biżżejjed ġenerazzjoni tal-elettriku u qal jista’ jkollha arja aktar nadifa jekk tixtri l-elettriku mill-interconnector. Barraminnhekk qal il-prezz li qed jintrabat bih il-Gvern għal 18-il sena huwa d-doppju tal-prezz li bih qed jinxtara l-elettriku mill-interconnector. Il-PN qal li kien jistenna li l-Kummissjoni Ewropea ma tapprovax dan il-proġett għax qal jista’ jispiċċa jimla l-bwiet ta’ xi wħud bil-commissions.

Fl-aħħar il-PN qal li biex l-Unjoni Ewropea terġa’ tibda tikseb il-fiduċja tal-popli Ewropej, l-ewwel trid tifhem x’qed iħossu n-nies.