Lokali

Il-PN jakkuża l-Gvern b’ipokresija fuq il-liġi tal-istampa

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami akkuża lill-Prim Ministru b’ipokresija meta ressaq liġi biex jitneħħa l-libell kriminali u l-mandat ta’ sekwestru kawtelatorju fil-konfront ta’ ġurnalisti, iżda ma waqqafx Ministru tal-Gvern milli jagħmel mandat ta’ sekwestru fil-konfront ta’ ġurnalista.

Dr Fenech Adami kkwota intervista tal-Ministru Cardona f’Dissett li fiha qal li l-Prim Ministru kien jaf li kien se jippreżenta mandati kontra Daphne Caruana Galizia. Skont il-Viċi Kap Nazzjonalista dan juri li Dr Muscat hu responsabbli mit-theddida għal-libertà tal-espressjoni.

Dr Fenech Adami qal li l-Partit Nazzjonalista ma jaqbilx li d-danni f’każ ta’ ħtija f’libell jogħlew sa €20,000  u lanqas jaqbel mal-obbligu li kull min għandu sit elettroniku li jxandar xi forma ta’ aħbarijiet, ikollu bilfors jirreġistra ruħu. Qal li l-Partit Nazzjonalista iżda jaqbel mat-tneħħija tal-libell kriminali u tal-mandati ta’ sekwestri.

Il-kelliem tal-Oppożizzjoni għax-Xandir Clyde Puli allega li l-Gvern għandu kontroll sħiħ fuq il-PBS b’dak li sejjaħ “manipulazzjoni kontinwa” u “b’kuntatt dirett bejn il-Partit Laburista u l-Kamra tal-Aħbarijiet”. Hu rrefera għal emails li qal li ntbagħtu “biex jiġi influwenzat ix-xandir tal-istat” u qal li dan sar biex issir reviżjoni f’servizz tal-aħbarijiet billi jintuża filmat ta’ One TV tal-attività poltiika tal-Partit Laburista li għaliha kien hemm l-cameramen tal-PBS stess.

Il-PBS min-naħa tagħha qalet li tiċħad bil-qawwa kollha l-allegazzjoni ta’ ndħil u li fl-aħbarijiet tal-Ħadd li għadda kien hemm xi manipulazzjoni. Qal li l-istazzjonijiet kollha jitolbu filmati mingħand xulxin. Żied jgħid li nhar it-Tlieta stess l-PBS talbet filmat min-Net TV tal-laqgħa li l-Kap tal-Oppożizzjoni kellu mal-Ombudsman allavolja anki f’din l-okkażjoni kien hemm cameraman tal-PBS.