Elezzjoni ĠeneraliLokali

Il-PN jgħid li se jibda proċess biex il-membri tal-forzi dixxiplinati jaħdmu ġimgħa ta’ 40 siegħa

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, Beppe Fenech Adami qal li Gvern ġdid jibda proċess biex il-membri tal-forzi dixxiplinati jibdew jaħdmu ġimgħa ta’ 40 siegħa flok ġimgħa ta’ 46 siegħa biex ikollhom aktar ħin ta’ kwalità mal-familja. Id-dettalji.

Il-Viċi Kap Nazzjonalista, Beppe Fenech Adami qal li l-membri tal-forzi dixxiplinati jaħdmu ġimgħa ta’ 46 siegħa u waħda mill-bidliet li Gvern ġdid irid iwettaq hi li bħall-kumplament tal-ħaddiema jibdew jaħdmu 40 siegħa fil-ġimgħa u f’każ ta’ iktar sigħat, jitħallsu bis-sahra. Qal li dan il-proċess se jsir fost l-oħrajn bl-ingaġġ ta’ aktar membri u l-irranġar tar-rosters.

F’kumment fuq NET TV, Dr Fenech Adami qal li l-Partit Nazzjonalista se jonora kull impenn li sar mill-Gvern preżenti fuq l-arretrati tas-sahra. Dwar l-‘extra duty’ li jagħmlu l-Pulizija, qal li l-Partit Nazzjonalista jrid li jibdew jitħallsu tieghu fi żmien xahrejn u li t-taxxa fuq l-ewwel €10,000 li jaqilgħu minnu tinżel minn 15% għal 10%.

Huwa qal li l-Pulizija fl-għasses u taqsimiet differenti tal-korp ghandhom jiġu inċentivati b’allowances speċjali. Argumenta li bil-għan li jkun hemm aktar nisa fil-korp, se jiddaħlu kundizzjonijiet tax-xogħol favur il-familja/

Dwar il-priġunieri, Dr Fenech Adami qal li Gvern nazzjonalista se jaħdem aktar fuq ir-rijabilitazzjoni u li jsir titjib fl-ikel, l-iġjene u s-sigurtà tal-faċilità korrettiva. Dwar il-pensjoni tas-servizz li sa llum hi iffriżata, wiegħed li l-Partit Nazzjonalista jżiedha biż-żieda tal-għoli tal-ħajja.