Lokali

Battibekk bejn Gvern u Oppożizzjoni dwar ir-riforma fil-liġi tal-istampa

pn

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, Mario Demarco, spjega l-oġġezzjoni tal-oppożizzjoni għall-proposti tal-liġi għar-riformi fil-liġi tal-istampa fosthom dwar ir-reġistrazzjoni tal-edituri tal-websites tal-aħbarijiet.

Huwa qal li b’dan ipoġġi lil kull min għandu portal fuq l-istess livell ta’ gazzetta meta ż-żewġ mezzi tal-media huma  differenti. Dr. De Marco qal li l-abbozz jirrestringi l-libertà tal-espressjoni u kkritika wkoll li l-ligi qed tipproponi li tirdoppja d-danni f’każi ta’ libell.

Huwa qal li l-abbozz tfassal bħala reazzjoni mgħaġġla mill-Gvern. Qal li anki l-assoċjazzjoni dwar l-liġijiet tat-teknoloġija tal-informatika, il-MITLA ddeskrivew il-proposti tal-Gvern bħala drakonjani u sproporzjonati. Qal li l-Partit Nazzjonalista m’huwiex kontra li jkun hemm emendi għal-liġijiet eżistenti iżda li dawn għandhom iwessgħu u mhux johonqu l-jedd li wieħed jesprimi ruħu.

Is-shadow minister tal-Edukazzjoni u xogħol Therese Commodini Cachia qalet li din il-liġi tiffavorxxi l-poter tal-istat. Il-kelliem għax-xandir Clyde Puli kkritika wkoll li l-libelli kriminali pendenti ser ikomplu jistemghu minkejja li bil-liġi ġdida dan ir-reat ser jispiċċa.

Min-naha l-oħra, il-Gvern qal li r-riformi  fil-liġi tal-istampa mhu ser inaqqsu xejn il-libertà tal-espressjoni. Spjega fi stqarrija li l-proposta għar-reġistrazzjoni tal-edituri tal-websites tal-aħbarijiet hija estensjoni ta’ dak li diġà tipprovdi il-liġi għall-gazzeti, għall-istazzjonijiet tar-radju u tat-televiżjoni li ilhom fir-reġistru tal-istampa mill-1975.

Il-Gvern qal li dan ser isaħħaħ il-principju tat-trasperenza għaliex il-publiku ser ikollu dritt għall-informazzjoni kif jiġri f’demokraziji ewlenin. Qal li bl-emendi proposti l-Gvern qed jimmodernizza l-liġi tal-istampa għar-realtajiet ġodda tal-midja diġitali waqt li tenna li ser jikkonsulta mal-operatur fis-settur u lest jisma’ s-suġġeriment anke fid-dibattitu Parlamentari.

Żied jgħid li bl-emendi waqt li ser jitneħħa l-libell kriminali u l-mandati tas-sekwestru kawtelatorji, mhux ser jitneħħa d-dritt tal-ġurnalisti li jipproteġu s-sors tal-informazzjoni tagħhom.