Lokali

Il-Pulizija qabdet 108kg rażina tal-kannabis u 21kg kokaina fl-2016

Il-Pulizija qabdet 108.5 kilogrammi rażina tal-kannabis ta’ 21 kilogramm kokaina fl-2016. Dan qlau l-Ministru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela fil-Parlament, bi tweġiba għall-mistoqsija tad-Deputat Anthony Agius Decelis, li staqsa kemm inqabdet droga fl-2016.

drogaMinn statistika miġbura, il-Ministru Abela qal li l-Pulizija qabdet sbatax-il tip ta’ droga differenti fl-2016, fosthom kokaina, crack cocaine, eroina u ecstasy. Id-droga li l-aktar qabdet minnha l-Pulizija kienet tramadol, fejn il-Pulziija qabdet 36 miljun pilloli minnha. Minkejja li din hija mediċina legali li tintuża għal trattament psikjatriku, il-Pulizija qabditha f’ċirkostanzi li ma kinitx tidher li se tintuża għal raġunijiet mediċi. Skont informazzjoni li kiseb tvm.com.mt minn sorsi qrib tal-Pulizija, din il-mediċina nstabet f’kontejners fil-Freeport, fejn kienet iddikjarata li hi xi ħaġa oħra u kienet iddestinata għal-Libja. Madankollu l-mediċina ma kinitx neċessarjament se tibqa’ l-Libja, hekk kif minn hemm setgħet tiġi traffikata lejn pajjiżi Afrikani oħra, fejn mhuwiex eskluż li kienet tinbigħ b’mod illegali.

Il-Pulizija għamlet ukoll sejbiet ta’ diversi tipi ta’ droga kannabis, fosthom ir-rażina tal-kannabis fejn il-Pulizija taqbad 108,520 gramma. BI-Pulizija qabdet ukoll 11,984 gramma ħaxixa kannabis, 8 żerriegħa kannabis, 88 pjanta u anki 73 joint. Droga oħra li kien hemm qabda sostanjali tagħha hija l-Khat, bil-Pulizija sabet 5,895.5 gramma minnha.

Fir-rigward tal-kokaina l-Pulzija qabdet 21,434 gramma minnha, u 7.5 grammi crack cocaine. Qabdet ukoll 303.7 grammi eroina u 3,739 pilloli ecstasy. Intant id-droga li l-Pulizija sabet l-anqas minnha matul is-sena l-oħra kienet l-LSD hekk kif sabet żewġ biċċiet u l-Mephedrone, bil-Pulizija ssib 4 grammi minnha.